Fiduċja fiż-żgħażagħ

    Din is-sena ser tkun l-ewwel sena li żgħażagħ ta’ sittax-il sena ser ikollhom id-dritt li jivvuttaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.  Ngħiduha kif inhi.  Mhux kulħadd kuntent b’dan għaliex hawn ħafna li ma tantx għandhom fiduċja fiż-żgħażagħ.  Hemm min jargumenta li l-maġġoranza taż-żgħażagħ moħħhom fir-riħ u għalhekk ħafna minnhom mhux responsabbli u li dawn l-affarijietm bħal elezzjonijiet, jgħoddu għan-nies maturi.

    Jien ma naqbilx ma’ dawn l-argumenti.  Għandi fiduċja fiż-żgħażagħ minħabba diversi raġunijiet.  Jekk dawn l-aħħar snin kien hemm prova ta’ dan, żgur li hu l-Gvern preżenti.  Jekk wieħed iħares lejn ħafna mill-Ministri u Segretarji Parlamentari ssib li qatt ma kellna Gvern li għandu daqstant żgħażagħ.  Dawn ġabu taqliba sħiħa f’diversi oqsma iżda speċjalment fil-qasam ekonomiku u anki soċjali.  

    Jekk nieħdu l-ekonomija, l-akbar miraklu li sar ma kienx it-tkabbir tal-ekonomija, iżda is-suċċess li konna kapaċi niġbdu lejn pajjiżna kumpaniji importanti fit-teknoloġija diġitali – teknoloġija li llum diġa’ hi pilastru importanti fil-ħajja komuni ta’ kull ċittadin.  Għada u pitgħada din ser tkun mhux biss il-bażi ta’ kull ekonomija iżda l-bażi ta’ kif timxi u tikkomunika s-soċjeta’. 

    Għidt miraklu.  Iva, miraklu għaliex Malta qatt ma kienet fuq ta’ quddiem fil-qasam tax-xjenza.  Anzi, jekk irridu nkunu onesti magħna nfusna, dejjem konna lura għaliex teknoloġiji ġodda kienu jaslu għandna mill-anqas 10 snin wara li jkunu żviluppati u mħaddma f’pajjiżi oħra.  Illum, mhux biss irnexxilna li nġibu lejn pajjiżna fost l-aqwa kumpaniji tal-gaming iżda rnexxilna nġibu lejn pajjiżna kumpaniji li jaħdmu f’oqsma li qegħdin fuq quddiem tat-teknoloġija diġitali bħal blockchain u cryptocurrencies.  Dawn tant huma ġodda li għad hemm kontroversji fuqhom.  Biss f’tul ta’ żmien qasir, diġa’ qed tinħoloq stabilita’ għax qed isir aktar magħruf u muri l-potenzjal ta’ dawn.

    Jekk nieħdu l-crytocurrencies sas-sena li għaddiet il-parir ta’ ħafna kumpaniji stabiliti kien wieħed – aħrab minnhom.  Illum din qed tinqaleb.  Ftit ta’ jiem ilu tħabbar li l-kumpanija JP Morgan, kumpanija dinjija fil-qasam finanzjarju ħabbret li ser toħloq il-bitcoin tagħha.  Wieħed irid jiftakar li sas-sena li għaddiet din il-kumpanija kienet kontra l-cryptocurrencies.  Daqshekk malajr qed jinbidlu l-affarijiet.

    Din il-bidla f’Malta, għaliex ġrat.  Minħabba ż-żgħażagħ li huma protagonisti fil-Gvern preżenti.  Dawn mingħajr ma kienu jafu trabbew fiha.  Fil-fatt lanqas aħna ma ttendejna li dawn qed jitrabbew f’dinja differenti.  Jekk nieħdu eżempju, l-probabbilta’ dawn lanqas biss qatt bagħu ittra bil-posta għaliex dejjem użaw l-email. 

    Kif għidt, hemm minn iħares lejn iż-żgħażagħ bħala nies li għadhom ma sabux saqajhom mal-art għax għadhom instabbli.  Għalija iż-żgħażagħ, mhux instabbli huma, iżda avventurużi.  F’ċerti oqsma, bħat-teknoloġija diġitali, barra li huma kapaċi ħafna aktar minna, huma kapaċi jagħrfu l-potenzjal li għandu dan il-qasam. 

    Mhux f’dan il-qasam biss.  Jekk nieħdu l-qasam tal-arti, Valletta18 uritna li għandna żgħażagħ li jekk tagħtihom l-opportunita’, kapaċi jibbrillaw. 

    Illum tajnihom opportunita’ u ftaħnilhom il-bieb biex jidħlu fil-qasam amministrattiv – qasam li nemmen li għandna bżonn taqliba kbira.  Jekk ninkoraġġuhom, jien ċert li jieħdu din l-opportunita’ li hi ta’ ġid sew għalihom u sew għalina.