SUĊĊESSJONI

    SUĊĊESSJONI

    Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat stqarr li fi ftit żmien se jħalli l-funzjonijiet tiegħu. Maġġoranza enormi ta’ membri tal-Partit Laburista u ta’ sostenituri tal-Partit ma taqbilx li dan għandu jiġri. Uħud jirraġunaw li dil-ħaġa ġġib warajha tellieqa għal min se jissuċċedi lil Dr Muscat u toħloq instabbiltà fil-Partit u fil-pajjiż.

    Għalkemm l-inkwiet tagħhom għandu piż, jidhirli li dan mhux l-aqwa argument kontra li qed jipproponi l-Prim Ministru. Matul is-snin, fiż-żewġ partiti l-kbar u wkoll meta kienu fil-gvern, seħħet bidla ta’ mexxej f’kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni politika anke akuta. Ma ħallietx warajha feriti inkurabbli.

    L-aqwa argument hu li l-proġett politiku ta’ Muscat għal kif Malta għandha tiżviluppa donnu jinsab f’nofs triq lejn fejn irid iwasslu – triq li ġiet segwita b’suċċess kbir. Ħadd ma jifhem għaliex m’għandux ikun l-istess wieħed li fetaħ dil-linja, li jkompli jidderiġiha. Politikament hekk jagħmel sens. Mhux biss mil-lat partitarju, imma anke minn dak nazzjonali.

    PROĠETT BLA PARTIT

    L-iżviluppi għaddejja fir-Renju Unit dwar kif se jitwettaq il-Brexit juru l-problemi enormi li jinqalgħu f’demokrazija rappreżentattiva u parlamentari meta proġett ta’ bidla essenzjali jiġi varat minn korp li mhux partit organizzat bi programm ta’ tmexxija ta’ gvern. 

    Il-moviment għall-Brexit ma kellux partit warajh imma segwaċi qawwija fi ħdan iż-żewġ partiti ewlenin Brittaniċi. Għadda minn referendum imma ma kellux partit magħqud biex iwettqu skont programm preċiż.

    Segwew l-inċertezzi u n-nuqqasijiet ta’ qbil fi ħdan ir-Renju Unit li xxokkjaw lil ħafna. L-Ewropej irnexxielhom jinnegozjaw ftehim li poġġa lill-Brittaniċi f’rokna. Maġġoranza fil-House of Commons hi kontra imma m’hemm l-ebda maġġoranza favur xi triq oħra. Ir-riżultat: konfużjoni.

    Dejjem kont xettiku dwar l-użu ta’ referendum f’sistema parlamentari. Il-Brexit ikkonfermali s-suspetti tiegħi.

    IL-PARTITI LLUM 

     M’għadhomx bl-istrutturi tal-imgħoddi. 

    Kien ikun hemm membri assidwi, laqgħat frekwenti għalihom fil-każini, kumitat fil-lokalitajiet b’membri li jingħataw stima u apprezzament fil-komunità, strutturi ta’ tmexxija li mill-kumitati lokali jitilgħu lejn il-konferenza ġenerali u l-eżekuttiv.

    F’xorta jew oħra, dawn l-istrutturi għadhom f’posthom f’kull partit demokratiku. Imma l-medja soċjali qed jirromblaw minn fuqhom billi jiddominaw il-kumnikazzjoni bejn iċ-ċittadini. L-istess partiti u kandidati tagħhom ftit għandhom alternattiva ħlief li jużawhomn biex iwasslu l-messaġġi tagħhom lill-membri u lis-soċjetà. Saħansitra l-metodi ta’ kif ċerti partiti saru jorganiżżaw l-elezzjonijiet interni tagħhom iduru fuq l-użu tal-medja soċjali.

    Wasalna fi stadju fejn daqt l-istess partiti jirrikonoxxu l-membri tagħhom bħala “virtwali”—jiġifieri mhux bħala persuni fiżiċi, imma bħala risposti viżivi u bil-kitba min-naħa l-oħra ta’ lap top jew iphone.