Tniġġis tal-baħar

    Ħabib li għandu kredenzjali tajba fil-ħidma ambjentali ġie jgħidli kif irridu noqogħdu attenti li ma neħduhiex bħala ħaġa lesta li t-tniġġis tal-ibħra madwar il-kosti jinsab taħt kontroll. Skont hu, jista’ jiġri li l-kejl li qed jittieħed ta’ kemm u kif il-baħar hu nadif jirrefletti ċirkostanzi okkażjonali ta’ titjib. Malajr jistgħu jinqalbu lejn inkwinament li mhux lakemm tinjorah. Hemm evidenza, qal, li l-ħxejjex u ħdura oħra li jinsabu (jew kienu jinsabu) fl-ibħra tagħna qed jitbielu bil-mod il-mod.

    Ma nafx dan hux il-qrid li ta’ spiss nisimgħu dwar l-ambjent minn nies li mhux dejjem ikollhom aġendi ċari. Min-naħa l-oħra, it-theddida li ħabibi qed iqajjem mhux ta’ min iwarrabha bla ħsieb ta’ xejn. Il-baħar hu wieħed mill-ftit riżorsi naturali ... forsi l-uniku... li jipposjedu l-gżejjer tagħna. Veru jew mhux veru per eżempju, li l-għelieqi ta’ taħt il-baħar madwarna għadhom qed jiċkienu u jitmermru?

    ***

    KOMUNITÀ MUSULMANA

    Attendejt għal laqgħa interessanti ħafna ma’ membri tal-komunità Musulmana, Maltin u barranin. Tkellmu dwar kif iħossuhom fis-soċjetà Maltija.

    Spikkaw żewġ tipi ta’ kumment.

    L-ewwel wieħed kien minn Maltin ta’ oriġini Nord Afrikana u oħrajn li mhumiex ta’ ċittadinanza Maltija. Semmew id-diffikoltajiet kbar biex jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija jew drittijiet ta’ residenza. Naħseb numru mhux żgħir minnhom għandhom raġun. Pereżempju mara miżżewġa Malti, biċ-ċittadinanza Maltija, ilha tgħix hawn aktar minn sittax-il sena: minħabba kundizzjoni medika, tixtieq li f’ċerti żminijiet oħtha tkun magħha. Baqgħet ma tistax iġġib viża li jippermetti lil oħtha tidħol u toħroġ minn Malta għal aktar minn darba.

    Bħala sekularist ma stennejtx it-tieni kumment imma kien ġenwin. Jirrigwarda d-divjet tal-qtil ritwali tal-bhejjem għall-ikel fil-produzzjoni tal-laħam ħalal.

    *** 

    EŻATT FIL-ĦIN

    Bil-ħolqien ta’ żoni ta’ kummerċ kważi ħieles fid-dinja globalizzata, kompla tħaffef il-proċess li bih jiġu manifatturati l-prodotti. Meta jitwasslu partijiet tal-prodott fil-fabriki, iqum anqas saram. Allura m’hemmx għalfejn twassal il-partijiet kmieni ħafna qabel jinqala’ l-bżonn għalihom.

    Kemm jista’ jkun, il-partijiet li jmiss biex jintużaw jaslu f’fabrika eżatt fil-ħin – “just in time”. Hu kunċett li żviluppa sew.

    Ninnota li qed jintuża wkoll fil-qasam tas-servizzi. Fuq quddiem nett, it-trasport bl-ajru. Hawn żgur li ż-żieda fil-volum tat-traffiku nkoraġġiet dil-proċedura. Mal-ħtieġa li t-titjiriet bl-ajru jseħħu bl-akbar sigurtà,  issaħħet dik li t-trasferiment ta’ bagalji u persuni ħerġin u deħlin f’ajruplan iseħħ jsir bl-anqas dewmien. Għalhekk, l-ispazji li minnhom l-ajruplani jtiru jew jillandjaw, u l-kurituri li minnhom jgħaddu l-passiġġieri jridu jintużaw bl-aqwa mod possibbli.

    Hawn ukoll il-“just in time” sar  ir-regola.