Konferma tal-prijorit√† li qegħdin nagħtu lis-saħħa mentali

    Mill-bidu ta’ din il-ġimgħa s-servizz ta’ psikjatra fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei beda jkun offrut 24 siegħa kuljum sebat ijiem fil-ġimgħa. Sal-ġimgħa li għaddiet dan is-servizz kien jieqaf fil-5.30 ta’ filgħaxija. Din hija qabża kbira ‘l quddiem għal persuni li jkunu ffaċċjati minn emerġenzi psikjatriċi. Il-pjan huwa li dan is-servizz ikun estiż għat-team multidixxiplinarju kollu.

    Il-filosofija tad-Dipartiment tal-Psikjatrija hija li s-saħħa mentali  u dik fiżika huma inseparabbli. Ir-rabta bejn il-mard fiżiku u dak psikjatriku hija l-aktar qawwija fejn jidħlu diżordni neuroloġiċi. Il-psikjatri, il-psikoloġisti u n-neuroloġisti jaħdmu ħafna flimkien. Fl-isptar Mater Dei għandna team neuropsikjatriku li ħidmietu tinkludi kliniċi flimkien man-neuroloġisti u l-istudju tal-pazjent qabel ċerti proċeduri neurokirurġiċi.

    Konformi ma’ din il-filosofija d-Dipartiment tal-Psikjatrija għandu preżenza qawwija fl-Isptar Mater Dei. Tant li f’Mater Dei hemm Sala għal Kura Psikjatrika fejn jinżammu pazjenti li jkun meħtieġ ikunu segwiti psikjatrament wara li jkunu ddaħħlu Mater Dei għal kura għal xi ħaġa oħra. Team ta’ psikjatri jipprovdi servizz ta’ konsultazzjoni lill-isptar kollu.

    Il-problema tas-saħħa mentali hija waħda li tolqot ħafna aktar nies milli forsi hawn min jaħseb. Kull amministrazzjoni li kellu l-pajjiż ippruvat taħdem fuq il-qasam tas-saħħa mentali u għandna liġi tajba ħafna, iżda ħafna drabi ġara li t-tentattivi li saru kienu sparodiċi. Ma kienx hemm pjan ħolistiku dwar kif se tkun implimentata l-liġi.

    Kien ilu jinħass li wasal iż-żmien għal pjan starteġiku, dettaljat u ħolistiku. Irid ikun hemm direzzjoni, pjan, timelines u riżorsi. Huwa abbażi ta’ dan li tħejja l-pjan għall-għaxar snin li ġejjin, 2020-2030, u li fih il-qasam tas-saħħa mentali qiegħed jingħata prijorità. F’Diċembru li għadda nedejna proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar Strateġija Nazzjonali tas-Saħħa 2020-2030 li fiha l-qasam tas-saħħa mentali se jkun qed jingħata prijorità ewlenija. Iż-żmien tal-konsultazzjoni pubbika għalaq fil-jiem li għaddew u issa jinbeda l-proċess tal-evalwazzjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika.

    Sadattant l-iżvilupp fis-servizz f’dan il-qasam offrut f’Mater Dei mill-bidu ta’ din il-ġimgħa jkompli jikkonferma r-rieda tal-Gvern fil-prijorità li qed jagħti lill-kura tas-saħħa mentali.