Għaliex iweġġgħu lil Malta?

    L-imġiba tad-deputati Nazzjonalisti fil-Parlament Ewropew ddejjaqni bla qies. Imma ma tgħaġġibnix. Rajtha titħaddem snin twal ilu fl-Assemblea tal-Kunsill tal-Ewropa, fit-tmeninijiet tas-seklu l-ieħor. Il-kalkolu tal-PN baqa’ l-istess.

    Ħammeġ barra lill-gvern Laburista Malti u l-popolarità tiegħu f’pajjiżu tonqos. Dan la ġara dak iż-żmien, u wisq anqas illum.

    Xorta d-deputati Ewropej tal-PN qed jippersistu.

    Igħidu li l-barranin jaqraw u jaraw xinhu għaddej f’Malta. Allura l-imġiba tagħhom barra ma tinfluwenzax l-imġiba ta’ kelliema barranin.

    Dan mhu veru xejn. Meta rappreżentanti minn pajjiż jiftħu n-nar fuqu minn barra l-pajjiż, jinkoraġġixxu l-kritika selvaġġa u qawwija ta’ oħrajn. Din tħammeġ mhux lill-gvern tal-ġurnata imma l-pajjiż kollu kemm hu... kif rajna fis-snin 80.

    Nibqa’ ngħid: Ikkritika kemm trid lill-gvern tal-ġurnata f’pajjiżek; fid-diskors tiegħek barra, ibqa’ prudenti. Id-deputati Nazzjonalisti fil-Parlament Ewropew ma jemmnux f’dil-prudenza.

    *** 

    FL-GĦADIRA

    L-aħbar li l-Mellieħa Bay Hotel se tagħlaq biex terġa’ tinbena mill-ġdid fakkritni fi x’qalli darba s-sur Albert Mizzi waqt żjara fl-uffiċċju tiegħi – dwar kif twaqqfet il-lukanda. Hu ppromwova l-proġett minn nofs is-sittinijiet tas-seklu l-ieħor sal-aħħar, b’sens ta’ inizjattiva liema bħalha.

    Ingħata ċans li jakkwista l-artijiet ta’ naħa mill-bajja tal-Għadira bi prezz interessanti imma ried jivvalorizzaha b’mod differenti mis-soltu. Kien żmien il-bidu tat-turiżmu lejn Malta. Iddeċieda li jikkontattja lill-grupp turistiku Ingliż Thompson u mar Londra jkellimhom. Ħajjarhom jsiru sħab f’lukanda ġdida fil-Mellieħa fejn imbagħad jibagħtu t-turisti tagħhom.

    Tħajru. Albert Mizzi xtara l-artijiet. Thompson daħħluh magħhom bħala sieħeb. Il-gvern ta l-għajnuniet li dak iż-żmien kienu jingħataw lil proġetti ġodda. Il-lukanda nbniet u nfetħet. Mill-bidu kienet suċċess għax ta’ Thompson baqgħu jibgħatu fiha l-gruppi tagħhom.

    Illum, ħamsin sena wara jew aktar, il-lukanda se terġa’ tinbena.

    ***

    WIED IL-GĦAJN

    Sadattant, smajna bi proposti dwar il-lukanda Djerma f’Marsaskala. Għal darb’oħra, il-proposti huma magħmula parti minn lukanda u parti f’appartamenti lussużi għall-bejgħ.

    Jien fost dawk li ma jaqblux li għandna nkomplu mmexxu bi proġetti hekk. Lukanda għandha tkun lukanda u xejn aktar. Ħaġa bħal din tiżgura li tassew immorru lejn turiżmu ta’ kwalità ogħla, mhux inħallu l-bejgħ tal-appartamenti – effetivament tal-art Maltija – jissussidja t-turiżmu lukandier.

    Biss wieħed jista’ jargumenta li f’Wied il-Għajn, lukanda waħidha ma tkampax għax iż-żona m’għadhiex tista’ titqies bħala waħda turistika. Jekk dan hu minnu – u b’hekk, il-bini ta’ lukanda ġdida jista’ jitqies bħala għodda li biha l-ħidma turistika tinġab lura lejn ir-reġjun tas-sud – mela l-bini mill-ġdid tal-Djerma għandu jitqies bħala għodda ta’ żvilupp reġjonali u, għaliex le? – jingħata għotja finanzjarja ħalli jmexxi.