Il-ħelwin

    Ħabib tiegħi qalli: Qatt innotajt kif min-naħa tal-lemin, issib numru ta’ attivisti kulturali li ma jiddarsux jittrattaw bl-akbar żuffjett jekk mhux disprezz, lil min ma jaqblux miegħu għax xellugi?

    Dawn il-ħelwin iqisu l-biċċa bħala att satiriku siewi, li jistħoqqlu kull apprezzament, anke bħala kumment soċjali. U jekk ikun personalizzat, aħjar. L-aqwa li qed jattakka lix-xellugin... għalkemm dil-ħaġa rari tintqal b’dal-mod.

    Biss, meta l-istess isir minn xi ħadd tax-xellug, hemmhekk le! Dak ikun sforz tal-mistħija, maħsub biex jirredikola lill-persuna u jagħlaq il-ħluq ta’ min ma jaqbilx max-xellug. Jikser kull linja ta’ diċenza u ġustizzja. Jammonta għal intimidazzjoni.

    Kelli nistagħġeb ma’ dal-ħabib kemm dam biex jistenbaħ. Li semma ma bediex jiġri llum jew ilbieraħ. Ilu għaddej id-deċennji.

    Bħala strateġija, taħdem hekk: Uża kull mezz biex tkasbar lil min ma jaqbilx miegħek. Jekk jagħmel bħalek, ilmenta b’kull għajta li għandek li qed jivvittimizzak. Hi strateġija kulturali u klassista.

    ***

    TAFDA?

    Ħabib ieħor qalli: Imma kif tista’ tafda lil min jaqleb minn partit għal ieħor?

    Għedtlu: Mhux tara x’kienu l-mottivi li wassluh biex jagħmel hekk? Winston Churchill wara kollox kien fost dawk li bidlu l-partit li kienu membri tiegħu.

    Ċara: jekk il-mottivi għall-bidla kienu mnebbħa minn opportuniżmu jew qligħ personali, ma tistax tafda. Mhuwiex magħruf li Churchill qaleb għax kien qed jistenna xi sussidju.

    Jekk min-naħa l-oħra l-bidla sseħħ minħabba xi twemmin personali li f’daqqa juri li fil-partit oppost hemm aktar sostenn għalih milli f’tiegħek, ikollok tafda.

    Imma forsi tagħmel dan biss sakemm min “ikkonverta”, jibqa’ jqis li t-twemmin tiegħu għadu qed jiġi sostnut? Għax jekk le, x’se jagħmel...?

    Tafda b’riżervi?

    Ma tafdax? 

    ***

    NAXXAR

    Il-bini ta’ vari u monumenti tal-knejjes u l-festi għadu xogħol li jsir b’dedikazzjoni u ħila minn artisti u artiġġjani Maltin. Jagħti xhieda qawwija ta’ tradizzjoni konsistenti li maż-żmien tejbet sew it-teknika u l-aspirazzjonijiet tagħha, anke jekk forsi uħud iqisuha bħala mhux daqstant valida.

    Stajt nara dan kollu fil-wirja li l-Każin Maria Bambina tan-Naxxar tella’ ta’ xogħolijiet maħduma minn Adonai Camilleri Cauchi għal għadd ta’ knejjes u stabbilimenti parrokkjali f’Malta u Għawdex. Sibtha wirja preżentata b’galbu u interess li taħtaflek l-attenzjoni. Laqatni pereżempju, il-mod differenti mis-soltu (talanqas għalija) kif Cauchi juri l-figura ta’ Kristu bħala tarbija għadha titwieled.

    Il-fatt li Cauchi hu minn Għawdex u li kif jidher mill-wirja, xogħlijietu qed jiġu kkummissjonati mill-erba’ rkejjen ta’ dawn il-gżejjer, juri li Għawdex mhux dejjem jibqa’ iżolat mill-bqija tal-pajjiż daqs kemm nibżgħu.