L-utilità tan-Numru 112

    Nhar it-Tnejn li għadda kien il-Jum Ewropew dedikat għan-Numru ta’ Emerġenza 112. Kienet ingħażlet din id-data għax in-numru nnifsu – 112 – jissimbolizza d-data nnifisha, 11 ta’ Frar, il-11-il jum tat-tieni xahar tas-sena. Huwa n-Numru ta’ Emerġenza komuni għall-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni Ewropea. F’pajjiżna wkoll huwa n-numru li wieħed għandu jirrikorri għalih f’każ ta’ emerġenza peress li ‘jixgħel bozza ħamra’ fl-Isptar Mater Dei, fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fil-Kwartieri Ġenerali tal-Forzi Armati u fil-Kwartieri Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili.

    L-użu kif suppost ta’ dan in-numru jfisser dover ċivili, sens ta’ solidarjetà ma’ min ikun jeħtieġ għajnuna immedjata. Telefonata fuq 112 tista’ tagħmel differenza bejn mewt u ħajja ta’ persuna jew persuni. Tista’ tkun strumentali biex ikun sfrattatreat kriminali jew biex jinqabad min ikun wettqu. Tista’ tkun ta’ għajnuna kbira biex disgrazzja ma tiggravax aktar minn meta attwalment tibda.

    M’għandi ebda dubju dwar kemm il-poplu tagħna huwa konxju mill-bżonn tal-użu ta’ dan in-numru. Meta tkun taf bl-ammonti kbar ta’ telefonati li jidħlu għand l-entitajiet li semmejt allura faċilment tirrealizza kemm hija kbira l-koperazzjoni tal-pubbliku. U hekk għandu jkun.

    B’mod naturali nitkellem dwar id-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. It-tmexxija ta’ dan id-Dipartiment daqstant vitali fl-Isptar Mater Dei tikkalkula li f’sena jidħlu madwar 50,000 sejħa għall-għajnuna. Il-ħoss tas-sirena tal-ambulanza jikkonoxxih kulħadd u huwa għalhekk li fil-maġġoranza assoluta tas-sejħiet it-timijiet mediċi tagħna jaslu fuq il-post fl-iqsar ħin possibbli.

    Madankollu l-ħin minn meta ssir s-sejħa fuq il-112 sakemm jasal it-team mediku permezz ta’ ambulanza huwa kruċjali ħafna. U għalhekk nemmen li jekk jista’ jkun kulħadd ikollu l-għarfien ta’ kif jista’ jitratta persuna li tkun teħtieġ l-għajnuna wara kull forma ta’ inċident. Dawk il-ftit minuti jistgħu jagħmlu d-differenza kollha bejn li persuna tgħix jew le. Għarfien dwar għajnuna bħal din hija kumplimentari għal dak li jsir mit-timijiet tal-emerġenza li anke huma, minkejja li jkollhom għarfien mediku, ħidmiethom ukoll tkun trid tiġi kumplimentata fit-Taqsima tal-Emerġenza u saħansitra fit-teatri tal-operazzjonijiet. Taħriġ bażiku bħal dan għandu jkollu postu fuq kwalunkwe post tax-xogħol, irrelevanti min-natura tax-xogħol innifsu.

    Sfortunatament ikollna wkoll każi fejn isir użu ħażin minn din is-istema ta’ sejħa għall-għajnuna. In-Numru 112 m’għandu qatt ikun abbużat. Telefonata bla bżonn tista’ tkun tfisser li ċċaħħad jew jiddewwem is-servizz tal-emerġenza fejn verament ikun hemm loku.

    Tinsiex: tista’ tkun int li tkun teħtieġ li xiħadd iċempel 112 biex int tingħata l-għajnuna li tkun teħtieġ, bl-aħjar mod u fl-iqsar ħin possibbli. Iċċaħħadx din l-għajnuna lil ħaddieħor b’abbuż min-Numru 112.