Lura lejn il-Parlament

    Il-jiem tal-festi issa għaddew. Il-ħajja, f’kull forma tagħha, bdiet dieħla fir-rutina normali tagħha. Hekk ukoll il-Parlament. Il-Kamra tad-Deputati terġa’ tibda tiltaqa’ wara l-btajjel nhar it-Tnejn li ġej, 14 ta’ Jannar, 2019. Minn dakinhar is-Seduti Parlamentari se jkunu qegħdin jibdew kollha fl-erbgħa ta’ wara nofsinhar flok fis-sitta ta’ filgħaxija u b’hekk flok jintemmu fid-disgħa u nofs ta’ filgħaxija jintemmu fis-sebgħa u nofs. 

    Din se tkun l-unika bidla fir-rutina Parlamentari. Minn nhar it-Tnejn li ġej inkunu qegħdin inkomplu għaddejjin bid-diskussjonijiet tal-Abbozzi ta’ Liġijiet. Hemm abbozzi li diġà bdew ikunu diskussi qabel il-waqfa għall-btajjel li għaddew u hemm oħrajn li huma totalment ġodda. Il-ħidma Parlamentari titfassal fi ħdan Kumitat Parlamentari apposta.

    Hija koinċidenza li l-ewwel Abbozz ta’ Liġi li se nkunu qegħdin niddiskutu nhar it-Tnejn jaqa’ taħt id-dekasteru li għalih responsabbli jien, il-Qasam tas-Saħħa. Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar il-Professjoni Medika u l-Professjonijiet li għandhom x’jaqsmu magħha u l-Ordinanza dwar Mediċini Perikolużi. L-għan ta’ dan l-Abbozz huwa li tiġi implimentata direttiva tal-Unjoni Ewropea li permezz tagħha id-definizzjoni ta’ ‘droga’ tkun tinkludi sustanzi psikoattivi ġodda. Dan l-Abbozz ta’ Liġi kien għadda mill-istadju tal-Ewwel Qari fis-Seduta Parlamentari tal-31 ta’ Ottubru li għadda. Nhar it-Tnejn li ġej il-Kamra tad-Deputati se tibda tiddiskutih fl-istadju tat-Tieni Qari.

    Għal min mhux midħla tal-proċeduri parlamentari l-istadju tat-Tieni Qari huwa dak l-istadju li matulu min ikun qiegħed jippilota l-Abbozz ta’ Liġi inkwistjoni jagħti spjegazzjoni lill-Kamra dwar x’ikunu l-għanijiet tal-Abbozz ta’ Liġi inkwistjoni. Jagħti r-raġunijiet li għalihom tkun qed titressaq dik il-liġi. Dwar dak li jkun qal il-Ministru konċernat jista’ jitkellem kull min irid mill-Membri Parlamentari. Il-ħin tad-diskussjoni, li t-tul tiegħu jkun diġà miftiehem fil-Kumitat Permanenti tal-Kamra dwar ix-Xogħol Parlamentari, jinqasam eżatt bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra. Kull naħa tiddeċiedi għaliha nnifisha kemm ikollha kelliema, imma l-ħin allokat jibqa’ dak li jkun miftiehem, ikun kemm ikun in-numru ta’ kelliema.

    Se jkun il-kompitu tiegħi bħala Ministru għas-Saħħa li nagħti bidu għad-diskussjoni dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi, li kif joħroġ ċar mill-għanijiet tiegħu prinċipalment se titwessa’ d-definizzjoni tal-kelma ‘droga’ biex b’hekk pajjiżna jiġi konformi ma’ direttiva speċifika tal-Unjoni Ewropea.

    Illum il-poplu jista’ jsegwi b’mod dirett dak li jkun għaddej fil-Parlament peress li s-Seduti Parlamentari jixxandru fuq l-istazzjon televiżiv tal-Parlament. X’aktarx li l-udjenzi ma jkunux daqstant kbar, għajr f’xi okkażjoni speċjali. U din hija ħasra, għax wara kollox dawk li jkunu qegħdin jieħdu sehem fid-diskussjonijiet parlamentari huma n-nies li jkunu qegħdin ifasslu l-liġijiet li bihom jitmexxa l-pajjiż, u l-pajjiż m’hu ħadd għajr il-poplu. L-istess poplu li jkun eleġġa lil min f’ismu jkun qed ifassal il-liġijiet.