MITI... MINN VENEZIA... BONZO

    MITI

    Fit-twemmin u l-valuri tagħna – aħna l-popli li ngħixu mal-Mediterran u fir-reġjuni ta’ madwaru – żviluppajna matul is-sekli u l-millennji stejjer sbieħ jew talanqas affaxxinanti, dwar il-mewt u l-ħajja ... kif it-twelid iwassal għal tiġdid u wara għal sagrifiċċji ġodda. Minn Gilgamex għal Osiris sa Kristu, b’oħrajn li jissenslu bejniethom...

    Il-Milied hu parti minn dan il-kurrent. Uħud jgħidu li mhu xejn aktar minn hekk. Oħrajn iħabirku biex jerfgħuh ’il fuq lejn tifsira li minnha joħorġu tagħlimiet sopranaturali dwar l-eżistenza tal-bniedem u l-miri tal-eżistenza. Fiż-żewġ każi, ir-rankatura ta’ festa fil-Milied tferraħ. Anki jekk għal dan biss, fiha valur. Bħala festa rridu nibqgħu ngħożżuha.

    Ma ninsewx kif il-miti li jgħaqqduna minn żmien il-qedem bħala popli tal-Mediterran, jibqgħu fi ħsibijietna u fi qlubna. Huma għodod simboliċi tal-akbar qawwa.

    MINN VENEZIA

    Ir-rapport tal-Kummissjoni ta Venezija (Kunsill tal-Ewropa) dwar is-sistema Maltija tal-ġudikatura u tal-istat tad-dritt kien wieħed mill-aħjar li nkitbu dwar Malta fl-aħħar snin. Iżomm ċerta prudenza – kif għandu jkun – dwar kull ma ġie rapportat dwar l-iżviluppi tal-aħħar snin. Xorta waħda, ir-rapport irid jinqara u jiġi mifhum b’kawtela.

    Ikun żball jekk kif diġà beda jiġri, ir-rapport jinqara u jiġi proġettat skont miri partiġġjani. 

    Pereżempju, problema bil-metodoloġija tar-rapport hu kif qiegħed jissettja in-normi li skonthom għandhom jitwettqu l-affarijiet. Fuq l-esperjenza ta’ liema pajjiżi qed iserraħhom? Il-kbar jew iż-żgħar? X’inhuma l-kriterji bażiċi li minnhom qed jitlaq biex jasal għar-rakkomandazzjonijiet? 

    It-tentazzjoni għal xi wħud hi li jitilqu biex b’ħanġra daqsiex, jirrepetu pwerilitajiet simili għal dawk li xxandar id-deputata Ewropea Anna Gomez. Xi stupidaġni! 

    BONZO

    Bedtime for Bonzo” hu film tas-sena 1951 dwar professur tal-psikoloġija li jipprova jrabbi ċimpanżi ċkejken qisu kien bniedem biex jara jilħaqx għan-normi ta’ solidarjetà li l-bnedmin “jipprattikaw”. Ma fih xejn tal-għaġeb ħlief li ma jdejqekx, anki jekk seta’ jkun ftit aktar fuq ruħu – ħaġa li laqtet lill-kritiċi meta ħareġ. 

    L-akbar interess li baqa’ fih hu minħabba Ronald Reagan, il-president futur tal-Istati Uniti tal-Amerika: jieħu l-parti tal-protagonist. Miegħu jaħdmu Diana Lynn u Walter Slezak, fost oħrajn. Imma hi Peggy, fir-rwol ta’ Bonzo, li tisraq kull xena.  

    Reagan jippreżenta r-rwol tiegħu b’kompetenza. Biss, ma jistax jonqos li jidher kemxejn ċass imqabbel ir-reċtar ta’ Bonzo. Mhux ta’ b’xejn li fis-snin ta’ wara, Reagan ftit wera interess fil-film. Sadattant, ġimagħtejn wara li l-film tlesta, Peggy (Bonzo) mietet f’nar li qam fiz-zoo fejn ħaduha tgħix.

    B’xewqat sbieħ għal Milied ħieni lill-personnel u l-qarrejja kollha tal-inews u l-familji tagħhom.