Il-Milied

    Ninsabu ftit jiem biss mill-festi sbieħ tal-Milied. L-ispirtu festiv jinħass sewwa kull fejn iddawwar wiċċek. It-toroq ewlenin u l-pjazez tal-ibliet u l-irħula tagħna imżejnin. Il-postijiet tax-xogħol, f’kull forma tagħhom imżejnin ukoll. It-tiżjin tradizzjonali fid-djar tagħna wkoll huwa sinifikattiv. Is-sitwazzjoni ekonomika tajba li għaddej minnha l-pajjiż tinħass ħafna. Biżżejjed tagħti titwila lejn iċ-ċentri kummerċjali tal-pajjiż, lejn il-ħwienet ta’ kull ġeneru. Anke r-ritmu tax-xogħol, b’mod naturali, inaqqas mir-rutina tas-soltu.

    Tħossok sodisfatt tara lill-poplu ferħan, f’atmosfera ta’ tgawdija. Ma jfissirx li m’hawnx min fil-pajjiż ma jistax jidħol f’dan l-ispirtu festiv daqskemm jixtieq. Kemm minn ambjent ekonomiku u kemm għal raġunijiet ta’ saħħa. U allura dawn il-jiem festivi għandhom iservu wkoll biex wieħed jidħol daħla fih innifsu u la darba s-sitwazzjoni tiegħu hija waħda tajba, jieqaf ftit u jirrifletti kif jista’ jkun ta’ għajnuna għal ħaddieħor.

    B’mod awtomatiku jiġik f’moħħok il-Community Chest Fund taħt il-Presidenza tar-Repubblika. Ħidma kontinwa f’kull livell tal-ħajja għal dawk fil-bżonn, b’mod partikolari għal dawk milqutin mill-mard, li minkejja l-għajuna kollha possibbli li jingħataw mill-Istat xorta waħda jispiċċaw jiffaċċjaw diffikultajiet kbar, anke finanzjarji. B’dan quddiem għajnejja nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nappella lill-poplu kollu jkun ġeneruż kemm u kif jista’ f’Jum l-Istrina, l-għada tal-Milied, biex b’hekk il-Community Chest Fund jkun jista’ jkompli ħidmietu għal dan l-għan nobbli.

    Nieħu wkoll l-opportunità biex nappella għall-kawtela u l-prudenza waqt l-okkażjonijiet diversi ta’ divertiment, b’mod partikolari fejn jidħol xorb u sewqan. Ix-xorb u s-sewqan ma jmorrux flimkien. Jew ħaġa jew oħra.

    Finalment irrid nieħu wkoll l-opportunità biex nawgura lill-familji Maltin u Għawdxin Milied hieni fis-sliem u s-saħħa, imma b’mod partikolari lil dawk il-ħaddiema li f’Jum il-Milied mhux se jkunu mal-familji tagħhom għax se jkunu għaddejjin b’ħidmiethom, fosthom il-ħaddiema f’kull livell tagħhom fl-isptarijiet u lill-membri tal-forzi tal-ordni, b’risq ħaddieħor.

    Mill-ġdid, awguri għal Milied hieni lil kulħadd.