Dilemma

    Il-“konfront” bejn l-Italja u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-baġit Taljan iqajjem għall-forzi politiċi Ewropej, dilemmi li jmorru lil hinn mill-pożizzjoni Taljana.

    Fl-aħħar mill-aħħar, il-gvern Taljan – u dan issa indipendenti mill-kulur politiku tiegħu – qiegħed jikkontesta mill-qiegħ il-politika ta’ awsterità li ż-żona tal-ewro segwiet fl-aħħar snin biex toħroġ mill-kriżi finanzjarja li kienet fiha. Oħrajn qabel it-Taljani għamlu hekk. Fuq bażi intellettwali, ekonomisti bħal Krugmann u fuq bażi programmatika, partiti bħas-soċjalisti “moderati” u “estremi”. Kollha waqfu hesrem. L-istess il-gvern Grieg ta’ Tsipras.

    Sa issa, l-gvern Taljan donnu qed juri li se jibqa’ lest għaddej sal-aħħar, anke jekk jaf li qed jikser ir-regoli stabbiliti għat-tmexxija tal-ewro.

    Biss seta’ jinstab mod ieħor kif tiġi sfidata l-politika ta’ awsterità – jekk tassew kien hemm rieda biex tiġi sfidata? Niddubita kemm biex wieħed jeħles minn din id-dilemma, se jkun biżżejjed jargumenta kif il-miżuri magħżula mill-gvern Taljan biex jimmina l-awsterità huma “populisti” u mhumiex teknikament validi.

    ***

    IL-BANK U Ċ-ĊEDOLI TA’ SELF

    Argument li qed jitqanqal fil-ħidma li ssir biex tissalvagwardja l-qagħda finanzjarja tal-banek Ewropej igħid: Il-banek m’għandhomx ikollhom wisq miċ-ċedoli ta’ self li joħroġ il-gvern tal-pajjiż fejn jinsabu, jew ta’ gvern ieħor. Inkella meta l-gvern jkun qed jaffaċċja problemi finanzjarji, il-bank jispiċċa mikxuf iżżejjed għall-konsegwenzi li jistgħu jinqalgħu. Allura l-banek għandhom ikunu soġġetti għal limiti ċari dwar kemm jistgħu jixtru ċedoli ta’ self fl-istess pajjiżhom.

    Tarah waħdu, dar-raġunament jinħass bħala siewi. Fil-banek kbar tal-pajjiżi kbar bi friegħi mxerrda mal-Ewropa kollha, l-argument hu validu. Ma jibqax jagħmel sens meta jiġi applikat għal pajjiż ċkejken bħal Malta, għall-Bank of Valletta ngħidu aħna.

    Iċ-ċokon tagħna jżommna prattikament iżolati miċ-ċaqliq finanzjarju internazzjonali f’dak li jirrigwarda l-ħidma bankarja fl-intern tal-pajjiż. Ix-xiri taċ-ċedoli tas-self tal-gvern lokali baqa’ jsir bla problemi. Qatt ma qajjem xi biża’ ta’ kollass – bil-maqlub. Kien u għadu sostenn importanti fiż-żamma tal-istabbiltà tal-ekonomija Maltija. Jekk taqilbu għall-mudell ta’ tmexxija li qed tiġi suġġerita għall-banek, din l-istabbiltà tisfa mhedda.

    ***

    DISKORS DWAR DNUB

    Xejn ma jogħġboni d-diskors dwar dnub u mhux dnub. Biss nifhem li hu parti essenzjali minn kif ir-reliġjonijiet li aħna familjari magħhom jifhmu u jfehmu r-realtà ta’ madwarhom. Għandhom kull dritt jagħmlu dan.

    Ma tantx nara kif id-dutrini reliġjużi jistgħu jkunu sovversivi għall-valuri sekolari li nħaddnu, sakemm ma jsirux fundamentalisti estremi. Ma jidhirx li dan qed jiġri.

     F’kuntrast bejn il-valuri, m’għandu jkun hemm l-ebda problema biex dak li jdoqqilna grottesk jew antikwat jitħalla jgħid tiegħu bil-mod tiegħu kemm irid.