PARTIĠĠJANIŻMU AĦRAX?

    PARTIĠĠJANIŻMU AĦRAX?

    Hawn Malta mdorrija bil-firda politika li ġieli twassal għal atti u diskorsi ħorox ta’ disprezz u għal antagoniżmu bejn persuni u gruppi. Kien hemm żmien ta’ atti ta’ vjolenza u ħolqien ta’ skwadristi, li ilu li ntemm. Xorta għadna bl-impressjoni ta’ klima politika polarizzata bla tarf, għalkemm issib min jgħid li minħabba ċ-ċokon tagħna, dejjem inżammu ċerti limiti ta’ imġiba għax f’kull familja hemm membri msieħba ta’ partiti opposti.

    Forsi jagħmel sens li nifhmu kif polarizzazzjoni ħafna aqwa minn ta’ pajjiżna saret mitqiesa bħala “normali” f’pajjiżi oħra... bħal fl-Istati Uniti.

    Il-battibekki bejn il-President Trump u s-senatur Mc Cain jagħtu xhieda ta’ kemm l-antagoniżmu politiku jista’ jwassal ’il bogħod, mhux l-anqas il-miżuri li ħa Mc Cain biex jiżgura li Trump jinżamm bogħod mill-funeral tiegħu u biex jidher li dil-ħaġa saret apposta. Issa dawn it-tnejn suppost membri tal-istess partit...

    INDUSTRIJA

    Nifhem li fi żmien ta’ tkabbir ekonomiku qawwi ħafna, ftit jieħdu gost b’min isemmi x’mhuwiex jirnexxi jew min joqgħod ifettaq fuq kif l-affarijiet setgħu jitwettqu aħjar.

    Ninstema’ qisni Kassandra, l-profetessa Griega tal-malawgurju, meta nirrepeti li fl-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna il-manifattura baqgħet taqa’ lura.

    Qabel, kienet titqies bħala s-settur li jrid jissaħħaħ akkost ta’ kollox. Illum, m’għadhiex priorità.

    Skont l-aħħar statistika, sena fuq sena kkalkolata fuq ix-xahar ta’ Lulju, il-bidla annwali fl-indiċi tal-produzzjoni tal-manifattura kienet hekk: Għas-sena 2016, tnaqqis ta’ 7.3 fil-mija. Fl-2017, żieda ta’ 0.7 fil-mija. F’dis-sena 2018, tnaqqis ta’ 6 fil-mija.

    L-aqwa tnaqqis seħħ fil-produzzjoni ta’ oġġetti ta’ konsum, li l-aktar iħallu valur miżjud: għat-tliet snin bejn l-2016 u dis-sena, it-tnaqqis kien ta’ 13 fil-mija, 2.9 fil-mija u 9.9 fil-mija rispettivament.

    Bla kumment.  

    LULA FIL-ĦABS 

    Diffiċli għal min jinsab barra l-pajjiż jasal għal ġudizzju sħiħ dwar kif qed jiġi trattat Lula, l-eks President tal-Brażil. Jinsab il-ħabs wara li nstab ħati mill-qrati ta’ korruzzjoni. Tilef l-appelli kollha li seta’ jagħmel kontra s-sentenza li ngħata. B’riżultat tagħha, l-qrati barrewh milli jikkontesta għall-elezzjoni presidenzjali li jmiss, fejn kien mitqies bħala kandidat prim.

    Nies ta’ rieda tajba, mhux kollha tal-partit ta’ Lula, jinsistu li ġie milgħub mill-avversarji politiċi tiegħu. Bosta politikanti oħra akkużati b’reati ħafna agħar minn ta’ Lula għadhom igawdu kull libertà u attivi qatigħ fil-politika. Hu qed jiġi kastigat għall-bidla favur il-foqra u dawk li huma soċjalment żvantaġġati li ġab fil-politika Brażiljana.

    Dawn in-nies għadhom iqisu li Lula hu l-bniedem li jistgħu jafdaw biex tassew iħares l-interessi tagħhom.