Il-ħruq fil-Magħtab

    Lil hinn mill-periklu u l-ħsara għas-saħħa tal-poplu li l-ħruq fil-Magħtab seta’ kkawża jew ikkawża, il-ġrajja ġabet magħha turija oħra ta’ kemm il-gżejjer tagħna huma vulnerabbli għal aċċidenti qawwija jekk ma tinżammx sorveljanza sħiħa ma’ kull punt fejn dawn jistgħu jinqalgħu. Mas-sorveljanza, irid ikun hemm ukoll servizz kompetenti dejjem lest biex jirrispondi għall-emerġenzi u jaf kif jilqagħlhom.

    L-istess bħal fil-manutenzjoni ta’ binjiet infrastrutturali hemm bżonn li s-servizzi ta’ emerġenza jingħataw attenzjoni regolari.

    Forsi tkun ħaġa tajba jekk wieħed mill-kumitati tal-Parlament Malti jingħata l-inkarigu li darba fis-sena jagħmel laqgħa fejn jingħata rapport u ssir diskussjoni mal-ufficjali responsabbli dwar l-esperjenzi tagħhom u l-progress fit-tmexxija ta’ ħidmiethom.

    ***

    ĠENWINI?

    Għandha tiġi delegazzjoni oħra mill-Parlament Ewropew biex tistħarreġ il-qagħda tal-istat tad-dritt f’Malta.

    M’inix waħdi li nħoss li dawn iż-żjarat huma superfiċjali, żejda u qed iservu l-aktar ta’ krozzi għal nies fostna, għalija boloh, li meta jitilfu l-logħba demokratika, jaraw kif se jqanqlu mewġ kontra l-pajjiż barra biex forsi jieħdu n-nifs.

    Id-delegazzjoni mistennija tiltaqa’ ma’ NGO’s u individwi deskritti bħala “attivi” fis-settur tal-istat tad-dritt u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Huma dawn: is-Civil Society Network; Manuel Delia; il-gruppi Kennies, Aditus, u Occupy Justice; Andrew Borg Cardona; Ranier Fsadni.

    Kull min jgħix Malta jaf kif il-persuni msemmija huma kollha attivisti jew “fellow travellers” tal-PN (jew parti minnu), waqt li ħlief għal Aditus l-“organizzazzjonijiet” imsemmija huma fronti psewdo-politiċi ta’ oppożizzjoni għall-Partit Laburista.

    X’qed ikun ir-rwol tal-uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta biex dawn it-tip ta’ laqgħat jiġu preżentati u mifhuma bħala li qed isiru ma’ attivisti u għaqdiet ġenwini?

    E bilħaqq kont qed ninsa: dak li kien imexxi l-uffiċċju u sostantivament għadu jżomm dil-kariga se joħroġ kandidat tal-PN għall-elezzjonijiet Ewropej.

    ***

    NAĦAL

    Riċentement inżammet kampanja fl-Ewropa biex tqajjem kuxjenza dwar il-qagħda tan-naħal. Saru proposti biex ċerti materji kimiċi li jintużaw għall-kontroll tal-fungi u l-insetti qerrieda fl-għelieqi jitwarrbu.

    Jidher li l-kimiċi mhux biss jikkontrollaw l-aġenti tal-qerda imma wkoll jaffettwaw ħażin ħafna lin-naħal. Il-popolazzjoni tagħhom qed tonqos bil-kbir. Dan ipoġġi f’periklu l-ekosistema ta’ kif il-pjanti jirriproduċu u allura anke l-produzzjoni tal-ikel tagħna.

    Ħaġa kurjuża kienet li waqt li għaddejjin dawn l-argumenti, fit-toroq u pjazez pubbliċi ta’ Bruxelles u l-madwar, dehru ħafna naħal. Ma stajtx tieqaf tieħu kafè f’xi wieħed mill-istabbilimenti fuq barra li ma tispiċċax imdawwar b’naħla, tnejn u aktar.

    Anke n-naħal donnhom draw il-metodu tal-lobbying li jintuża meta qed jittieħdu deċiżjonijiet parlamentari. L-agħar kien meta man-naħal bdew jingħaqdu wkoll iż-żunżan.