MIN QED JIEĦU L-AKBAR BIĊĊA?

    MIN QED JIEĦU L-AKBAR BIĊĊA?

    M’hemmx għalfejn noqgħodu nirrepetu kemm sejra tajjeb l-ekonomija. Trid tkun iblah li ma taċċettax dal-fatt u tifraħ bih.

    Tqum il-mistoqsija: il-kejk ekonomiku li qed jikber daqstant, kif qed jitqassam?

    Żgur li l-profitti tal-intrapriżi żdiedu. Il-gvern qed jirnexxielu jnaqqas il-piż relattiv tad-dejn fuq il-finanzi publiċi u fuq l-ekonomija, b’rankatura li tissupera dik mistennija mill-pajjiżi membri taż-żona ewro – ħaġa li ssaħħaħ il-prestiġju finanzjarju tal-pajjiż.

    Nisimgħu bid-dħul “favoluż” li qed igawdu ċerti saffi tas-soċjetà. Nisimgħu kif oħrajn li jaħdmu bla nifs, ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja. Nisimgħu kif barranin “refuġjati” jew “irregolari” qed jiġu esplojtati qishom kienu ilsiera.

    Ma rridux naċċettaw b’għajnejna magħluqa dawk l-“istejjer” imma lanqas niċħduhom pumm paqq.

    Fl-interess nazzjonali, wasal iż-żmien biex isir studju serju, xjentifiku, li jgħarbel il-mistoqsija: Kif qed jitqassam il-kejk ekonomiku? Min qed jieħu l-akbar biċċiet?

    MC CAIN

    Naħseb li kieku kont Amerikan, qatt ma kont nivvota għal John Mc Cain. Biss, anke bħala barrani, ili nsegwih u dejjem impressjonani. Mhux biss għall-fortitudni li wera bħala priġunier fi żmien il-gwerra tal-Vjetnam tas-snin sittin tas-seklu l-ieħor: bħalu urewha priġunieri Amerikani oħra tal-Viet Cong, kif ukoll priġunieri Viet Cong maqbuda mill-Amerikani, li kollha ġew soġġetti għal tortura u trattament inuman.

    Lil Mc Cain bqajt nammirah għax għalkemm segwa politika “tal-lemin” li ma naqbilx magħha, baqa’ jipprova jkun korrett f’ħidmietu biex jipprattika l-valuri mistqarra fil-kostituzzjoni Amerikana. Kellu jagħmel il-kompromessi li ħidma f’demokrazija elettiva teħtieġ biex tkampa – pereżempju meta daħħal lil Palin bħala seħbitu fit-tellieqa presidenzjali tal-2008 – għalkemm forsi swewlu aktar deni milli ġid.

    Minkejja li jixluh li tbandal wisq minn naħa għal oħra fil-karriera twila tiegħu, Mc Cain qatt ma kien pinnur.

    AL ASWANI

    Alaa al Aswani hu kittieb Eġizzjan li jaf kif jissusak bir-rakkonti tiegħu. Għandu rumanzi qawwija li għamlu suċċess internazzjonalment. Qrajt rakkonti tiegħu miġbura bl-Ingliż taħt it-titlu “L-Isparaturi fuqek ta’ Ħbiebek” (Friendly Fire). Idaħħluk bla nifs fil-ħolm u t-tbaqbiq tal-poplu Eġizzjan f’ħajtu ta’ kuljum tal-Kajr.

    Hi dinja li tfawwar bil-frustrazzjoni u l-għatx għal ħajja aħjar li jinħassu f’kull belt kbira, imma li kullimkien jieħdu t-timbru ta’ dik il-belt. Aswani ma jonqosx li b’maestrija, jagħti lir-rakkonti tiegħu t-timbru Kajrota. Tnejn minnhom – speċjalment l-ewwel waħda – jitilqu għat-tul imma l-oħrajn huma fin-natura ta’ stejjer qosra, ġieli anke anedotti. It-temi tiegħu għandhom element li jfakkrek f’Dostojevski, għadilli kollox f’minjatura.

    Dnub li ma nsegwux aktar mill-qrib l-attività artistika u letterarja tal-Eġittu  għax għandha ħafna x’tgħallimna.