Wara Diżastru

    Dejjem tiġri: splużjoni f’power station nukleari, vapur li jinkalja jew jegħreq, u dan l-aħħar, il-kollass ta’ pont: wara diżastru ta’ ċertu kobor f’pajjiż, il-gvernijiet ta’ pajjiżi oħra juru kemm lesti jilqgħu għall-istess ħaġa.  

    Mhux f’Malta biss, imma minn tarf sa tarf tal-Ewropa, nħarġu stqarrijiet biex iserrħu l-imħuħ dwar xinhu jsir jew ma jsirx biex il-pontijiet li minn fuqhom jgħaddi t-traffiku jinżammu siguri. Kemm tista’ jafda dit-tip ta’ stqarrija? 

     Jekk għal raġuni jew oħra, fl-imgħoddi struttura tkun tħalliet trabbi xi vizzju, anke jekk illum qed issirilha manutenzjoni adekwata, mhux faċli tħassar id-deni li jkun laħaq sar. F’kull sitwazzjoni se ssib li baqa’ ċertu sogru li tiġri disgrazzja u ma jistax jitneħħa kif ġieb u laħaq. 

    Apparti minn kwistjonijiet ta’ sigurtà, li ġara f’Ġenova jqanqal mistoqsijiet oħra li dwarhom ta’ min jirrifletti.

    ***

    Sħubija bejn Stat u Privat

    Il-pont li waqa’ kien parti minn infrastruttura tat-traffiku li tmexxiet sa mill-bidu permezz ta’ sħubija bejn stat  u s-settur privat: private public partnership, tissejjaħ. Dan sar mudell mifrux ħafna, inkluż f’pajjiżna, ta’ kif ħidmiet li qabel kienu tal-istat, għaddew għal għand il-privat, mitqies bħala aktar effiċjenti.

    Bih, l-għan publiku – il-provista ta’ servizz meħtieġ mill-poplu – jintlaħaq mingħajr ma jintefqu wisq fondi publiċi billi dawn joħroġhom minflok il-privat. Wara, dan iħaddem il-faċilità li jkun bena u jbigħ is-servizzi li tipprovdi bi prezz miftiehem ma’ min se “jixtri”, jew l-istess gvern (bħal fil-każ ta’ sptar) jew iċ-ċittadin (fil-każ ta’ autostrada).

    F’dan kollu, il-problema baqgħet li mhux faċli tgħid min jaqbillu l-aktar bl-arranġament. Hu minnu li l-għan publiku tista’ tissalvagwardjah mija fil-mija? Niddubita.

    ***

    Manutenzjoni

    Argument li qajjem il-ministru tal-intern Taljan Salvini, li ma joħroġx biss provokazzjonijiet stupidi imma ġieli jitkellem bis-sens: b’riżultat tal-awsterità li tħaddmet fl-Ewropa tul l-aħħar snin u biex jintlaħqu l-miri finanzjarji taż-żona ewro, l-gvernijiet baqgħu jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom. Għamlu dan f’oqsma ta’ nefqa kapitali u ta’ nefqa rikorrenti li kienu l-anqas jinħassu.

    Il-manutenzjoni tal-infrastrutturi spiċċat fost dawn l-oqsma? Ma niskantax, għax manutenzjoni tajba ta’ spiss tinvolvi ċerti spejjeż li jinħassu... u filfatt huma... ta’ natura kapitali. Anki posponiment ta’ ċerta manutenzjoni jista’ jiffranka spejjeż notevoli minn sena għal sena. Imma f’perspettiva tat-tul, dit-tattika tista twassal għall-gwaj.

    Żewġ problemi bl-argument ta’ Salvini: Sa ftit taż-żmien ilu, il-partit tiegħu, il-Lega, kien qed jinsisti li l-ispiża kapitali publika fl-Italja kienet suffiċjenti għall-bżonnijiet. U t-tieni: il-pont ta’ Genova ma kienx qed jitmexxa mill-gvern, imma mill-privat.