L-Ewropa u l-immigrazzjoni

    Il-ġrajjiet ta’ das-sajf fil-Mediterran urew bla dubju ta’ xejn kemm fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari, l-Unjoni Ewropea għadha maqsuma, bla politika komuni ċara u sodisfaċenti. Imn’alla li n-numri ta’ nies ġejjin mill-Afrika ta’ Fuq ma kinux kbar (sa issa) daqskemm kien il-biża’ għax kienu jiġru ħafna aktar imwiet.

    Ninsabu f’sitwazzjoni  fejn kull meta titfaċċa dgħajsa kbira bir-refuġjati li daqt tista’ tegħreq, iridu jsiru negozjati multilaterali fi ħdan l-Unjoni imma barra mill-istrutturi tagħha. Il-ħidma tal-NGOs li ġew biex “isalvaw” lill-immigranti mill-għarqa x’aktarx għamlu s-sitwazzjoni agħar. Hemm ċertu raġun fix-xilja li qed iservu ta’ staffa għall-kuntrabandisti tal-bnedmin.

    Malta u l-Italja m’għadhomx fuq l-istess paġna, imma wieħed jista’ jgħid dil-ħaġa wkoll għall-pajjiżi membri l-oħra tal-Unjoni. Kważi kollha jinsabu fuq il-paġna fejn lil hinn mill-kliem sbieħ, iqisu biss l-interess nazzjonali tagħhom... kif jifhmuh l-elettorati.

    Kulħadd imbeżża’ li l-akbar traġedja tkun mhux li jintilfu mijiet oħra ta’ ħajjiet fil-baħar, imma mijiet ta’ eluf ta’ voti.

    ***

    MERITOKRAZIJA

    Smajt argument interessanti li laqatni ħafna. 

      Il-Gvern Laburista kellu bżonn fl-ewwel fażi tat-tmexxija tiegħu jiżgura li min jitpoġġa f’punti deċiżjonali ewlenin għall-pajjiż ikun ta’ fiduċja. Inkella malajr kien isib min jittorpedinalu l-inizjattivi tiegħu. F’dan irnexxa.

    Biss qed jasal iż-żmien... jekk mhux diġà wasal... fejn il-gvern irid idaħħal dejjem aktar in-normi tal-meritokrazija. Jintgħażlu nies skont il-ħila tagħhom b’rieda li jużawha bla waqfien skont kif jitolbu d-dmir u l-għaqal tekniku jew professjonali. F’sitwazzjoni fejn ħadd ma jqis li tpoġġa taħt żvantaġġi meta jsiru l-ħatriet, dawk li jeżerċitaw il-ħatra se jagħmlu hekk bil-qies u bil-fier... li hu l-aqwa mertu tal-meritokrazija!

    ***

    ĊIKONJI MAQTULA

    (B’apoloġiji lil Walid Nabhan) l-eżodu taċ-ċikonji minn Malta xejn mhu qed ikun ħanin. Minflok jitħallew jitilqu, iċ-ċikonji qed jinqatlu.

    L-argument li donnu qed isir hu li dal-qtil ġie provokat mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea dwar il-kaċċa u l-insib. Jintqal li għalhekk ukoll uħud jibqgħu lura milli jagħtu informazzjoni dwar id-delitti. Dawn huma argumenti fażulli għall-aħħar li għamlu ħsara kbira lill-kawża tal-kaċċa u l-insib.

    Waqqafni f’nofs triq bir-rawa f’ħalqu, raġel li ma kienx xi ġuvni tal-Bird Life. Dejjem qiestu ta’ kaċċatur, u ammetta li xi darba hekk kien: Għax se tħalluhom jibqgħu għaddejja b’dawn l-abbużi? staqsa. Mhux multi hemm bżonn, imma ħabs.

    Fissirtlu kif m’inix wieħed minn dawk li jħallu u jżommu; jew li jiġġudikaw dwar multi u ħabs.

    Xorta fhimt il-punt. M’hemm l-ebda garanzija li referendum ieħor dwar il-kaċċa u l-insib se jirriżulta bħal ta’ qablu. Anzi...