SERVIZZ PROVDUT?

    Ma stajtx nemmen imma hekk hu. 

    Ikollok kuntratt ta’ servizz għall-provista tal-internet f’darek. Tiġi ġurnata u s-servizz tal-internet imur għal kollox.

    Tipprova tara kif se ċċempel lill-uffiċċju tagħhom biex jibgħatu l-personnel tekniku jew biex tinformahom bil-problema.

    Issib li l-customer care service tagħhom tista’ taqbdu biss bl-internet. M’għandux telefown. Imma jekk l-internet marlek, kif se taqbdu?

    Effettivament, meta pprovajt nidħol fil-websajt tal-kumpanija, sibt li l-customer care hu kollu maħdum biex “jgħinek” issolvi l-problema... billi tuża l-internet, li m’għandekx aktar! 

    Allura ssib programmi sħaħ ta’ “dijanjożi” li tista’ taħdimhom waħdek... u m’għandix dubju huma effettivi ħafna... imma kif se tilħaqhom, jekk is-servizz tal-internet telaq?

    L-imbuttatura biex il-kumpaniji jnaqqsu l-ispejjeż anke b’dannu lill-konsumatur qed tittieħed ’il-bogħod wisq. Il-protezzjoni lill-konsumatur bl-ebda mod mhi qed tlaħħaq magħha. U l-oligopoliji qed jitħallew imexxu prattiċi diżgustanti qishom kienu monopolji.

    Ħabib qalli: Għaliex qed tistagħġeb b’dil-kumpanija tal-internet? Qatt ipprovajt taqbad il-customer care tar-Ryan Air bit-telefown meta jkollok xi emerġenza?

    ***

    L-ARTI U S-SETTUR PRIVAT

    L-appoġġ li l-gvern qed jagħti lis-settur artistiku jixraqlu kull tifħir. In-nefqa publika fuq produzzjoni artistika ta’ kull xorta żdiedet b’mod regolari u ppjanat. Ma kienx hemm biss żieda fl-inizjattiva u fl-attività imma wkoll titjib kwalitattiv. 

    Tajjeb ħafna wkoll li f’dal-progress – m’hemmx kelma oħra għalih – iż-żgħażagħ jidher li qed jingħataw sehem ewlieni.

    Ħaġa waħda forsi trid tingħata aktar attenzjoni: Jista’ jkun li waqt li l-gvern baqa’ jżid fil-finanzi li jgħaddi lill-ħidma artistika, is-sehem tas-settur privat naqas?

    Dik hi l-impressjoni li wieħed jibqa’ biha; donnu li la l-istat qed jagħmel tiegħu, hemm anqas bżonn ta’ interventi privati.

    Ikun dnub jekk dan minnu. Il-“pluraliżmu” fis-sostenn lill-arti jibqa’ tal-akbar ħtieġa.

    ***

    SANTA MARIJA

    Nofs is-sajf għadu jiġi ċelebrat f’ħafna postijiet fl-Ewropa, bħala festa ċivili u reliġjuża.

    Niftakar meta l-ewwel darba smajt l-ispjega ta’ kif dil-festa kisbet daqshekk importanza fostna: fiż-żmien li l-aqwa impjiegi kienu fil-biedja, nofs Awwissu sar meta l-kirjiet tal-għelieqi kienu jiġġeddu jew jitwaqqfu. Is-sorpriża għalija kienet kif ma’ festa ta’ importanza reliġjuża kbira, twaħħdet drawwa ta’ importanza ekonomika. 

    Forsi ċ-ċelebrazzjoni baqgħet popolari mhux biss għal raġunijiet reliġjużi jew “ekonomiċi” imma għax tipprovdi okkażjoni biex is-sajf jingħata ġieħ. Hawn niċċelebrawha bil-mod “tagħna”, fejn il-briju, l-għaraq u l-alkoħol (biex insemmu dawn it-tlieta biss) jieħdu l-aqwa prominenza. 

      Kieku mhux għax f’Awwissu diġà t-turiżmu jkun mifqugħ, kien jagħmel sens li internazzjonalment nippromwovu l-festa Maltija ta’ Santa Marija bħala xi ħaġa awtentika li ta’ min jaraha talanqas darba.