Id-delitt tas-solidarjetà

    Teżisti liġi fi Franza li kienet tgħid sa ftit taż-żmien ilu li kull persuna li tkun b’mod dirett jew indirett, għenet jew ipprovat tgħin id-dħul, iċ-ċirkolazzjoni jew ir-residenza irregolari ta’ barranin fi Franza, tkun tista’ teħel piena ta’ ħames snin ħabs u multa ta’ 30,000€. Il-liġi kienet tiġi kkritikata għax ħolqot dak li ssejjaħ id-delitt tas-solidarjetà.

    Matul is-snin, iddaħħlu emendi li per eżempju neħħew id-delitt jekk l-atti ta’ għajnuna lill-immigrazzjoni llegali jsiru bejn membri tal-istess familja. Xorta l-qorti kostituzzjonali qieset li l-liġi għandha tirrispetta “il-prinċipju tal-fraternità”. L-aħħar emendi li daħlu xahar ilu jeżoneraw mid-delitt lil min jaġevola b’ħidmietu l-immigrazzjoni rregolari, jekk ma jagħmilx dan għall-ħlas u jekk serva biss biex jagħti appoġġ u pariri b’għan umanitarju.

    Ħaġa kurjuża hi  li s-sanzjonijiet oriġinali tal-liġi tneħħew għal min jgħin fiċ-ċirkolazzjoni u r-residenza ta’ immigranti rregolari li jkunu diġà daħlu. Is-sanzjonijiet baqgħu kollha hemm fir-rigward ta’ min idaħħal fil-pajjiż immigranti irregolari.

    ***

    TOLLERANZA GĦAD-DROGA

    Bil-fomm kulħadd jgħid li hu/hi kontra d-droga. Fil-prattika l-użu tagħha inxtered u għadu jinxtered. F’ċerti pajjiżi Ewropej jidher li l-ġenerazzjonijiet l-aktar żgħażagħ qed inaqqsu l-konsum tagħha minn dak li kienu jagħmlu ta’ qabilhom. Hawn Malta żgur li le.

    Deskrizzjonijiet ta’ xinhu jiġri waqt parties, kunċerti publiċi u fi ħwienet tax-xorb jew discos jindikaw li l-konsum isir bl-akbar faċilità biex ma ngħidx normalezza. Anke żgħażagħ li għadhom sew taħt l-età jitħallew jiddakkru.

    Ma għenux ċerti stqarrijiet “politiċi” li saru dwar id-drogi rekreazzjonali u l-legalizzar jew kważi tagħhom. Ir-reazzjoni ta’ għadd mhux żgħir ta’ żgħażagħ kienet – skont ma smajt – li la daqt jiġu legalizzati, m’hemm l-ebda problema biex il-konsum tad-droga jsir b’mod ħieles sa minn issa.

    ***

    IBBULIJAR

    Inkredibbli u tal-mistħija l-fehmiet espressi dan l-aħħar minn xi ħadd li messha taf aħjar, dwar l-ibbulijar ta’ ulied dawk li huma attivi fil-politika. 

    Kien mingħalija li jeżisti kunsens fil-pajjiż dwar kif l-ibbulijar tat-tfal hu kundannabli bla riżerva fiċ-ċirkostanzi kollha. Imma jidher li le: hawn min iqis li tista’ tifhem għaliex l-ibbulijar iqum fil-każ tat-tfal ta’ politikanti. Huma dawn li għandhom jieħdu ħsieb kif jilqgħu għalih meta jiġu affettwati uliedhom.

    Forsi tista’ tifhem kif qamet dil-fehma, aktar u aktar għax hi indirizzata lejn il-familji ta’ politiċi Laburisti jew ta’ politiċi li m’għadhomx jaqblu ma’ ċerti klikek fil-PN li tilfu r-rankatura fl-istess partit tagħhom. Kienu jqisu lil kull ħaddieħor bħala l-ulied ta’ alla inferjuri. Issa jinsabu mwerwra li spiċċaw huma f’dil-qagħda.