Kriminali?

    Is-saga tal-Egrant li għadha tidwi, qajmet għadd ta’ mistoqsijiet ta’ ordni etiku, politiku u legali li jintilfu fis-saħna tal-argumenti mqanqla bejn talanqas tliet naħat. Il-fatt hu li saru allegazzjonijiet qawwija bl-effett li jimminaw għal kollox l-integrità tal-Prim Ministru u martu, barra milli jesponu lilhom u lil familthom għad-disprezz ġenerali. L-allegazzjonijiet irriżultaw ibbażati fuq l-ebda evidenza, anzi in parti fuq “provi” falsifikati.

    Il-mistoqsijiet allura huma: Min għamel u xandar l-allegazzjonijiet kien jaf li m’hemmx evidenza jew li kienet falza?

    Jekk iva, l-atti li daħal għalihom kienu jammontaw għal konfoffa kriminali.

    Jekk le, wettaq xi ħidma biex jivverifika l-allegazzjonijiet?

    Jekk ma wettaqx, wera imprudenza kriminali.

    Jekk wettaq u ġie mqarraq, ir-responsabbiltajiet politiċi li jġorr huma enormi.

    Fil-każi kollha, il-mistoqsija etika tibqa’: kif tiġġustifika kampanja ta’ malafama fuq l-iskala li ġiet addottata, meta fi kwalunkwe każ l-evidenza kienet sa mill-bidu nett nieqsa mis-sustanza?

    *** 

    MIDJA INDIPENDENTI

    Intqal li anke l-midja indipendenti trid tistħarreġ l-operat tagħha għax dwar il-każ tal-Egrant ħalliet lilha nnifisha tingħeleb mill-preġudizzji. Stajt nara dil-ħaġa jien li mill-esperjenza naf kif fl-imgħoddi l-istess midja ttrattat bi prudenza u xettiċiżmu każi skandalużi tal-amministrazzjoni Fenech Adami jew Gonzi.

    Biss ma tantx jidher li dan l-istħarriġ sar sa issa. Jew jekk sar, xejn dwaru ma tħabbar.

    L-attitudni donnha hi: Ej! Fuq l-Egrant il-biċċa marret żmerċ. Imma issa taraw fil-każi kollha l-oħra li baqa’.

    Fejn jafu x’se naraw?

    ***

    IL-KURJA

    Mix-xellug jibqa’ suspett, naħseb fondat, li fit-tmexxija tal-Knisja Maltija dejjem kien hemm u baqa’ sentiment li jqarreb ħafna aktar favur il-PN milli l-Partit Laburista. Rari kkummentajt dwar dil-ħaġa – li dejjem tiġi miċħuda mill-Kurja – għax ħlief f’inħawi tal-Amerika Latina tiġri kważi kullimkien fejn il-Knisja Kattolika ilha stabbilita.

    L-Arċisqof attwali beda linja li fejn iħoss il-bżonn, jikkummenta dwar l-attwalità politika u ekonomika, anke b’mod kontroversjali. Lili ma dejjaqnix imma kien hemm uħud speċjalment mix-xellug li tfantsu, peress li fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-kummenti tiegħu dehru li kienu kritiċi għall-gvern u ċerti attivitajiet tiegħu.

    Dil-ħaġa forsi kienet tiftiehem għax il-Knisja, kif kellha kull dritt tagħmel, ħarġet kontra bil-kbir l-aħħar riformi fil-liġi tal-IVF. Biss kien minnu li l-kummenti kritiċi arċiveskovili marru lil hinn sew minn dil-kwistjoni.

    Imbagħad uħud milli tfantsu ikkummentaw kif dwar il-każ tal-Egrant bl-implikazzjonijiet tiegħu ftit li xejn smajna min-naħa tal-Kurja. Hawn għandhom raġun. Sa meta qed nikteb dan, sa fejn naf jien l-uniku kumment li deher kien fil-“Leħen is-Sewwa” tal-aħħar tmiem il-ġimgħa fejn tliet kummentaturi lajċi ntalbu fehmiethom.