QED NAQGĦU LURA

    QED NAQGĦU LURA

    Inkwetanti li waqt li fil-qasam ekonomiku u f’dak soċjali “klassiku” il-progress qed ikun qawwi, l-istess ma jistax jintqal għall-qasam ambjentali.

    Dwar miri li qed isiru ewlenin fost il-pajjiżi Ewropej – bħal fil-ġlieda kontra t-taħsir tal-klima, fl-użu ta’ enerġija nadifa, fil-ħarsien tar-riżorsi naturali u f’miri oħra simili – ħaddieħor qed jgħaddina u qed naqgħu lura.

    L-istess progress miksub qed jikkontribwixxi għal dan ir-riżultat negattiv.

    Problema qed tkun li min jinkwieta dwar dil-ħaġa jinħass bħala minoranza fil-pajjiż, jekk mhux ukoll forza emarġinata.

    Biex ma nibqgħux naqgħu lura, politikament u ekonomikament, il-qasam ambjentali għandu jitpoġġa tassew bħala priorità nazzjonali ewlenija.

    GOOGLE

    Dwar Google bilfors ikollok sentimenti ambigwi. 

      Minn naħa hi ħaġa ċara li dil-kumpanija saret kbira wisq. Tidher lesta tabbuża kull meta tista’ mill-kobor tagħha biex tiddomina s-swieq tal-lum u ta’ għada, mingħajr ma tħallas taxxi fuq il-profitti dejjem jiżdiedu tagħha. Id-dominanza li taspira għaliha twassalha biex f’oqsma li saru dejjem aktar strateġiċi fit-tmexxija ta’ pajjiż, tikseb poter politiku moħbi imma vitali. Għal dawn ir-raġunijiet ikollok taqbel li Google għandha tiġi mrażżna.

    Min-naħa l-oħra, ċerti servizzi ta’ tagħrif li Google tipprovdi huma imprezzabbli u jservu biex itejbu immensament il-kwalità tal-ħajja. Insemmi wieħed biss: il-mod kif Google tippermettilek tniżżel eluf ta’ kotba f’pdf jew formattijiet oħrajn, mil-libreriji kbar tad-dinja. Grazzi għal Google, tista’ jkollok fuq il-kompjuter ngħidu aħna librerija sħiħa ta’ melitensia “qadima”, fosthom pereżempju l-kotba li kienu fil-librerija ta’ Sir Hannibal Scicluna. 

    SESSWALITÀ U KNISJA

    Hu magħruf, qaluli, li ċerti professjonijiet iħajru lejhom fost oħrajn, lil nies li anke inkonxjament, ikollhom ċerti tendenzi sesswali. Bħal fl-edukazzjoni, dawk b’tendenza lejn il-pedofelija.

    Ħsibt f’hekk meta reġa’ – forsi minħabba li fis-sajf jixxottaw l-aħbarijiet sensazzjonali – qamu stejjer “ġodda” dwar kardinali u isqfijiet u ma nafx min aktar fil-korp klerikali tal-Knisja Katollika li matul is-snin użaw il-poter tagħhom biex iwettqu, b’mod abużiv jew b’kunsens ta’ min kien involut, atti sesswali “pprojbiti”; jew inkella biex jostruhom meta jwettaqhom ħaddieħor.

    Jidhirli li mod ċar kif għall-futur dil-ħaġa tista’ titnaqqas jekk mhux titneħħa għal kollox, hu billi l-Knisja Kattolika twaqqa’ l-kondizzjoni taċ-ċelibat minn fuq il-qassisin tagħha. Fil-Knisja Ortodossa dil-kondizzjoni ma teżistix. B’hekk żgur tonqos il-ġibda istintiva ta’ uħud lejn il-kotra ta’ kjeriċi marbuta biċ-ċelibat, preċiżament għax min jinsab fil-kotra, intrabat b’dir-rabta, li minnha nfiha tista’tkun ta’ ċaħda u ta’ ġibda.

    Imma ma nafx x’abbużi jew le jsiru, jekk isiru, fil-ġerarkija ekkleżjastika tal-Ortodossi għax dwar hekk, ma tantx nisimgħu.