Żewġ kontroversji

    Dan l-aħħar inqalgħu żewġ kontroversji waħda minnhom tolqot lill-armchair critics filwaqt li l-oħra tolqot lill-poplu.  

    Nibdew mit-tieni waħda.  Din kienet dwar ir-‘refuġjati’.  Il-kwistjoni kellha tliet livelli.  Il-livell tal-poplu, il-livell ta’ gvernijiet u l-livell Ewropew.  Jekk inħarsu min-naħa tal-poplu kienet ħasda sa ċertu punt.  Ir-raġuni hi li konna ilna ma naraw ‘refuġjati’ ġejjin f’pajjiżna.  Qed insejħilhom ‘refuġjati’ għax minnhom dejjem ikun hemm vera refuġjati li kellhom jaħarbu minn pajjiżhom minħabba xi gwerra.  Ftit qabel diġa’ kienet bdiet kontroversja oħra minħabba l-barranin li hawn ġo pajjiżna.  Kien hemm min beda jargumenta li għandna nnaqqsu t-tkabbir ekonomiku biex il-barranin Ewropej li hawn jerġgħu jmorru lejn pajjiżhom.  Mhux ser nikteb xejn dwar dan biex inkompli fuq is-suġġett ħlief li għalija, kif jgħid il-Malti, inkunu qed nigdmu mneħirna biex ninku l-mara. Qisek għandek businessman li sejjer tajjeb u tagħtih parir biex ma jkabbarx il-business tiegħu biex ma jimpjegax aktar ħaddiema!  

    Il-poplu għadu ma jistax jifhem dan il-fenominu ta’ barranin ġo pajjiżna.  Dan għax kien in-normal li l-ekonomija lanqas il-Maltin kollha ma kienet tiflaħ aħseb u ara l-barranin.  Illum minn emigrazzjoni qlibna għal immigrazzjoni.  

    It-tieni livell kien bejn il-pajjiżi.  Il-girien tagħna, it-Taljani, li fuq kollox intlejna bihom, fettillhom jibdlu l-gvern u tellgħu partiti li jafu biss ikabbru l-problemi u mhux isibu soluzzjonijiet ġusti u dejjiema.  Biex il-gvern il-ġdid juri kemm hu sod, mexa bħal Trump.  Jieħu pożizzjoni li kienet adattata aktar minn ħamsin sena ilu – tella’ l-ħitan u swar madwarek biex turi kemm int b’saħħtek billi tgħajjar u tiġġieled ma’ kulħadd inkluż sħabek.  Pożizzjoni li konna warrabniha u minflok ġlied konna tgħallimna li nużaw il-kuntatti biex nibnu pontijiet, insibu soluzzjonijiet effikaċi biex nibnu l-paċi u l-prosperita’.  

    Mela l-Gvern Taljan qala’ kontroversja billi ma ħalliex vapur b’dawn l-immigranti jidħol l-Italja minkejja li dan kellu jsir skont ir-regoli internazzjonali.  Qala’ kwistjoni mal-Gvern Malti għax qal li dawn kienu aktar qrib Malta minkejja li l-fatti kienu xorta oħra.  Il-Gvern Malti filwaqt li żamm iebes ipprova jsib soluzzjoni kif fil-fatt għamel.  Bid-diplomazija kollha, mingħajr ma tilef rasu, minkejja li fil-livell Ewropew il-ftehim li ntlaħaq kien li ma hemmx ftehim fuq bażi Ewropea, xorta ftihem ma’ seba’ pajjiżi oħra biex jaqsmu l-immigranti.  Dan minkejja wkoll li l-medja Taljana attakkat lil Malta kemm felħet u minkejja li l-Gvern Taljan ippova jibbuljana billi heddidna li jitfi l-interconnector  tal-elettriku bejn Sqallija lejn Malta.  Il-Prim Ministru Malti seta’ ħa attitudni differenti li forsi kienet turih bħala eroj billi jwieġeb b’attakki fuq il-Gvern Taljan.  Kien jidħol fi ġlieda li minnha ma kien joħroġ xejn ta’ ġid.  Iżda, bħal ma ktibt, il-Prim Ministru, bil-kalma sab soluzzjoni li hi ta’ ġid għal Malta u li turi l-Ewropej l-oħra li hu bil-ftehim u billi naħdmu ma’ xulxin li naslu għas-soluzzjonijiet dejjiema u li jkunu ta’ ġid għal kulħadd.

    Fl-Ewropa, min-naħa l-oħra, kien hemm falliment komplet.  Nibdew bil-Kummissjoni ta’ Junker li lanqas biss irnexxielha ġġib il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea għas-summit.  Personalment ma niftakarx li qatt qabel ġara hekk.  Għalija din kienet sfida minn dawk il-gvernijiet li ma marrux, mhux biss lejn Junker iżda wkoll lejn il-prinċipju fundamentali li fuqha hi bbażata l-Unjoni Ewropea li jitkellmu u jsibu soluzzjonijiet.  Minflok qatt ma rajna l-Ewropa maqsuma daqshekk qatt qabel.  

    Dan għandu wkoll jagħtina sinjal li nikkontrollaw il-kilba li hemm fl-Ewropa biex inkabbru l-UE,  ħalli naqdu lin-NATO, u ndaħħlu lil kull pajjiż li jmiss magħna fl-UE minkejja li dawn kull ma jinterresahom huma l-interessi tagħhom - li jieħdu l-flus Ewropej mingħajr ma jikkoperaw.  Li kieku Malta kellha tieħu l-istess attitudni kieku konna mmorru aħjar sew billi ma nimponux restrizzjonijiet fuq ir-Russja u b’hekk irristrinġejna l-kummerċ tagħna.  Issa li hemm ġlieda kummerċjali mal-Istati Uniti, u aħna ser nerġgħu nidħlu fi ġlieda kummerċjali magħhom li wkoll hi kontra l-interessi taghna.  Biss dan hu dmir tagħna bħala pajjiż fl-UE.

    Ir-rwol tal-President

    It-tieni kontroversja ma tantx laqtet nies.  Inqalet  meta għaddiet l-aħħar liġi dwar l-IVF.  Dwar din il-liġi nqalet kontroversja li laqtet il-ftit għalkemm, kieku rnexxielhom dak li kellhom f’moħħhom xi wħud, kienu jqajmu furur ħafna akbar.   Fattur li ma ġarax għax is-soċjeta’ Maltija qed tinbidel ħafna malajr u li ftit nies qed jittendu b’dan.  Ħafna għadhom jaħsbu li s-soċjeta’ Maltija għadha dik tas-sittinijiet.

    Il-kontroversja kienet li l-President setgħet kellha xi diffikultajiet dwar il-liġi u għalhekk inqalet il-mistoqsija jekk għandhiex tiffirmaha.  Il-President uriet li taf x’inhu r-rwol tagħha, iċċekkjat jekk hemmx xi ħaġa legali u peress li ma kien hemm xejn kontra l-liġi, iffirmat il-liġi biex tidħol fis-seħħ.  Għamlet kif kien dmirha u anki aġġixiet b’mod demokratiku.  

    Kien hemm min qal li li kieku kien għadu President hu, kien jirreżenja biex ma jiffirmax.  

    Min qal hekk wera li ma jafx x’inhi r-rwol ta’ President.  Waħda mid-dmiriijiet tal-President hu li jara li l-affarijiet jimxu skont il-liġi.  La kien hekk, l-ebda President ma jista’ jwaqqaf xi ħaġa sempliċiment jew għax ma jaqbilx magħha u wisq anqas jekk ma jemminx fiha.  L-ebda President jew xi ħadd f’awtorita’ jekk ikun jemmen fil-liberta’ - li kulħadd jista’ jemmen li jrid - ma jista’ jwaqqaf liġi sakemm din tkun legali u ma tkunx qed tikser id-drittijiet ta’ ħaddieħor.  Ħadd m’għandu dritt li jimponi t-twemmin tiegħu fuq ħaddieħor. Id-demokrazija titlob li l-istat għandu jkun sekulari.

    Naf li hemm min ma jemminx f’dan għalkemm zgur li ħadd ma jgħidu pubblikament.  Hemm żewġ affarijiet li ma jirrealizzawx.  L-ewwel li s-soċjeta’ Maltija nbidlet u trid żżomm id-dritt li temmen dak li trid u mhux kif iridha ħaddieħor.  It-tieni hi li meta konna f’din il-qagħda, meta l-istat ma kienx sekulari, bħaż-żminijiet tas-sittinijiet, Malta ma kienet xejn differenti mill-istati bħas-Sawdi Arabja jew l-Iran fejn kienu n-nies tal-knisja dominanti li jiddeterminaw il-ħajja tan-nies u mhux in-nies stess.