Mediterran mifrud

    Snin twal ilu, meta l-gvern kien iddedika parti sostanzjali tal-isforzi diplomatiċi tiegħu ħalli jseddaq l-għaqda bejn il-pajjiżi tal-Mediterran, ktibt artiklu fil-“Malta Year Book” fejn appoġġjajt dan l-isforz. Biss għedt ukoll li l-poplu tagħna kellu esperjenza ta’ għajxien maqtugħa mill-qagħda Mediterranea li fiha “tpoġġa”.

    Problema oħra hi li mill-istorja stess tiegħu, il-Mediterran spiċċa mifrud b’mod li mhux faċli tgħaqqdu. Fuq il-karta, l-interessi bejn tramuntana u nofsinhar jidhru komplementarji. Fir-realtà mhumiex. Biex tagħqad, anke bejn l-istituzzjonijiet li jmexxuhom la kien u lanqas hemm konverġenza. Diffiċli minħabba f’hekk biex jinħolqu binarji ta’ koperazzjoni tassew effettivi.

    Dan mhux argument favur l-abbandun tal-isforzi ħalli l-popli Mediterraneji jitqarrbu lejn xulxin. Hu wieħed għal għarfien aħjar ta’ kif biex tingħeleb il-firda fil-Mediterran, jeħtieġu metodi ġodda ta’ koperazzjoni msejsa fuq qies realista tad-diffikultajiet attwali u miruta.  

    *** 

    KOERENZA

    Mhux kull kumment kritiku hu distruttiv jew malinn. Ta’ spiss il-kritika ġenwina tista’ tkun imprezzabbli. Hekk laqtitni li kienet l-omelija/priedka/diskors li ġie rrapportat li għamel ġimgħa ilu l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech dwar pajjiżna u n-nies li jersqu lejh minn barra. Jekk fhimtu tajjeb, l-Isqof saħaq fuq l-inkoerenza fil-mod kif nilqgħuhom.

    --Hemm dawk li llum jaslu fil-“miljuni” bħala turisti għal żjarat qosra. Nilqgħuhom għax iħallu l-flus warajhom.

    --Hemm dawk li qed nagħmluhom ċittadini ta’ Malta biex jiġu jġibu miljun jew tnejn u jżommuhom hawn. Nilqgħuhom.

    --Hemm dawk jersqu bid-dgħajjes mill-Afrika. Meta jirnexxielhom ma jegħrqux, xorta ma rriduhomx fostna.

    --Hemm l-eluf ta’ ħaddiema minn barra, li skont it-tbassir uffiċjali, se jkollna bżonnhom biex iżommu l-ekonomija għaddejja. Qed inħaffulhom id-dħul.

    Bejn dawn il-linji ta’ “żvilupp”, forsi kuntradittorji, irridu nżommu koerenza. Għal dan, lil hinn minn kriterji ekonomiċi u soċjali, jekk fhimtu sew, qal tajjeb l-Isqof ta’ Għawdex li għandna bżonn ukoll ta’ koerenza morali. Naqbel.

    *** 

    IMPJIEGI FIL-KULTURA

    Diġà semmejtha drabi oħra, imma quddiem iż-żieda sostnuta ta’ impjiegi fil-qasam kulturali, żewġ riflessjonijiet jibqgħu rilevanti. L-impjiegi li qed jinħolqu huma siewja ħafna għax iġeddu l-kreattività tas-soċjetà, jippromwovu l-ftuħ lejn l-esperjenzi ta’ ġnus oħra u jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

    Bosta minn dawn l-impjiegi madankollu huma finanzjati mill-istat. Pajjiżna hu żgħir wisq biex jippermetti daqstant li l-artisti u l-attivisti kulturali jgħixu mill-bejgħ ta’ dak li jipproduċu. Ikun għaqli allura li jsir ħsieb minn qabel għal jekk tinqala’ xi burraxka finanzjarja. Wieħed jittama u jistinka biex dil-ħaġa ma tiġrix; imma aħjar inkunu lesti għaliha, tiġri jew le.