IL-ĠENNA GĦADHA MITLUFA

    IL-ĠENNA GĦADHA MITLUFA

    Aktar minn sena wara l-aħħar elezzjoni, l-aqwa bikja tal-Oppożizzjoni donnha baqgħet dwar li l-ġenna għadha mitlufa. Diżappuntanti kif l-Oppożizzjoni u s-segwaċi tagħha m’għandhomx temi koerenti ta’ kritika għall-ħidma tal-gvern tal-ġurnata u jiġġebdu bejn żewġ, forsi tliet, fazzjonijiet li jridu jsostnu l-aġenda tagħhom.

    Diżappuntanti għax tajjeb jew ħażin, kull demokrazija parlamentari teħtieġ Oppożizzjoni għaqlija u dinamika biex tiżgura li t-tmexxija tal-pajjiż tkun ċara u effettiva f’perspettiva tat-tul.

    Biżżejjed taqra l-artikli ta’ diskussjoni u l-editorjali fil-midja hekk imsejħa indipendenti biex tagħraf kif anke min jipprova jipproġetta messaġġ ta’ opinjoni jitlaq minn premessa magħluqa: il-ġenna kienet ilbieraħ. Madwar dal-messaġġ il-kotra li tinġabar hi minoritarja, mhux l-anqas għax numru sabiħ minn dawk li suppost qed jaqsmu fil-bikja, telqu biex “igawdu l-ġenna” illum, fost il-fillieri tan-naħa l-oħra u ma jidhrux imħajra jiċċaqalqu minn hemm.

    SIĠAR

    Ħaġa tajba ħafna li qed tqum kuxjenza kontra l-qerda tas-siġar. Fi gżira niexfa u għerja bħal tagħna, niħtiġuhom bil-kbir. Huma affaxxinanti ċerti verżjonijiet tal-istorja qadima ta’ Malta li jsemmu kif kien hemm żmien meta l-gżira kienet imballata b’siġar taż-żebbuġ u oħrajn, sakemm l-abitanti li nzertaw għexu hawn, qatgħuhom biex jibnu, joħolqu għelieqi u jkollhom bhiex isajru.

    Ħaġa tajba wkoll li fejn hemm bżonn, id-difiża tas-siġar bil-ħdura li jipprovdu ssir permezz tal-protesti publiċi. Biss m’inix konvint li l-protesti tal-lum huma daqshekk ġenwini. Donnhom parti minn tattika ta’ fazzjoni politika fil-PN ħalli takkwista t-tieni nifs fil-ħidma tagħha.

    X’jagħti lok għal das-suspett? Il-fatt li uħud minn dawk li “jipprotestaw” qatt ma tniffsu kontra l-ewwel pass li kien ittieħed biex jitneħħew is-siġar minn fejn kienu ilhom iżejnu post: quddiem Kastilja. 

    KOKKA

    Għoġobni ħafna film li ħareġ fl-1968 u li kont bqajt ma rajtx minkejja li matul is-snin smajt sew dwaru. Imsejjes fuq rumanz ta’ Leonardo Sciascia, “Il Giorno della Civetta”, imtella’ minn Damiano Damiani kellu fost l-atturi lil Claudia Cardinale, Franco Nero u Lee J Cobb.

    Jittratta dwar il-qtil ta’ kuntrattur żgħir fi Sqallija u l-għibien fl-istess jum ta’ raġel ieħor li kien jgħix qrib il-post fejn seħħ il-qtil. Mart dan tal-aħħar issus biex issir taf x’ġara minnu waqt li l-ispettur tal-pulizija, stazzjonat minn barra Sqallija juża kemm-il strataġemma biex jinfed il-ħitan ta’ omertà li jostru xi jkun qed jiġri tassew.

    Ir-reċtar hu impekkabbli u għalkemm it-tmiem hu pjuttost prevedibbli, diffiċli tgħid jekk dan hux għax drajna matul is-snin, b’temi fejn l-aġir tal-Mafja jitkebbeb f’intriċċi ta’ ħruxija ambigwa.