Dilemmi populisti

    Problema fondamentali bl-istrateġija populista speċjalment dwar l-immigrazzjoni hi li minnufih twassal għal sitwazzjoni ta’ staġnar li x’aktarx tispiċċa f’konfrontazzjoni u konflitti. Mhux għax it-toroq l-oħra li ttieħdu jew setgħu jittieħdu fl-Ewropa ma wasslux huma wkoll għal staġnar...

    Jekk wieħed iqis il-possibiltà li l-pajjiżi membri kollha jew kważi tal-Unjoni Ewropea jaddottaw tmexxija populista, allura ma jista’ jkun hemm l-ebda qbil dwar politika effettiva li tgħodd għal kulħadd. L-istati kollha se jiġbdu għal xawwathom u bl-istess mod. Ħadd mhu se jkun lest “iċedi” xi ħaġa.

    Biss ftit jidher li sfida bħal dik tal-immigrazzjoni tista’ tingħeleb billi l-istati jingħalqu fihom infushom. L-istess ħaġa tgħodd għall-kummerċ u l-finanzi.

    Il-globalizzazzjoni daħlet (jew tħalliet tidħol) wisq ’il-ġewwa biex l-iżolazzjoniżmu jkun viabbli... jew fattibbli mingħajr it-theddida ta’ gwerra.

    ***

    DMIR PRESIDENZJALI

    Sar wisq għaġeb minn ċertu nies dwar il-mod kif il-President tar-Repubblika daħħlet il-firma tagħha għal-liġi tal-IVF. Bil-maqlub tagħhom, ma rajt xejn ta’ barraminnhawn fil-biċċa. Anzi deherli li n-naħat kollha involuti qdew id-dmirijiet tagħhom b’mod għal kollox onorabbli.

    Hi ħaġa ċara u forsi naturali li l-miżuri kontemplati fil-liġi joħolqu kontroversja kbira. Il-materji li tittratta dwarhom jitqiesu minn ħafna, bir-raġun naħseb, bħala li jirriflettu fehmiethom dwar in-natura tal-bniedem u l-iskop tal-eżistenza umana. Kull persuna tqis li d-deċiżjoni personali tagħha f’dal-qasam għandha tissejjes fit-twemmin tagħha.

    Biss imbagħad, id-deċiżjoni li tieħu l-komunità trid toħroġ skont ir-regoli tad-demokrazija parlamentari. Did-darba żgur, dawn tħaddmu b’mod għal kollox korrett f’repetizzjoni ta’ argumenti li kienu diġà tressqu fit-tul snin qabel.

    Li l-President tiffirma l-liġi waqt li tistqarr ir-riżervi personali tagħha kienet l-aktar għażla trasparenti u responsabbli.

    ***

    PREZZ TAL-ĦOBŻ

    Niftakar żmien meta l-prospett ta’ żieda anke ċkejkna fil-prezz tal-ħobż kien joħloq il-bidu ta’ kriżi politika u soċjali. Żmien ukoll meta l-ħobż “bl-irħis” kien razzjonat... imma dil-ħaġa mbagħad kienet tiġri fi żmien tassew imbiegħed.

    Iż-żieda li mid-dehra ġejja fil-prezz tal-ħobż ma tidhirx waħda ċkejkna, kkalkolata bħala persentaġġ. Sa issa ma tantx qajmet plejtu. L-aktar wieħed li semmiha b’insistenza jekk fhimt tajjeb, kien il-Kap tal-Oppożizzjoni, li wissa kif saff ta’ nies f’pajjiżna li tassew jinsabu minn taħt, se jintlaqtu ħażin ħafna. Jekk dan hu minnu, għandhom jittieħdu passi biex huma jingħataw xi forma ta’ għajnuna. Mill-bqija...

    Matul is-snin, il-piż tal-ikel fil-basket tax-xiri tal-familji naqas bħala proporzjon tax-xirja kollha li huma jagħmlu. Dan jgħodd għall-familji kollha. Imbagħad il-kejl tal-ħobż innifsu fix-xirja tal-ikel ukoll naqas sew. Turija oħra tal-progress ekonomiku li ġarrab il-pajjiż mis-snin tal-Indipendenza lil hawn.