Pressjoni

    Nisimgħu kritika ta’ spiss dwar l-operat tal-aġenziji regolatorji f’oqsma differenti, mill-protezzjoni tal-konsumatur sal-ħarsien tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol. Ċerti nies fil-ħerqa tagħhom biex imaqdru lil pajjiżhom m’għandhom l-ebda skruplu jeżaġeraw dwar hekk, bħal fil-każ tas-servizzi finanzjarji. Kritika oħra hi aktar ġustifikata, bħal fil-ħarsien tal-ambjent u tal-wirt urban.

    Biss hemm punt kardinali li m’għandux jintesa. Fl-aħħar ħames snin, l-ekonomija Maltija kibret b’aktar minn 54 fil-mija, b’aktar min-nofs. Tkabbir bħal dan mhux biss hu bla preċedent fl-istorja moderna tal-pajjiż. Minnu nnifsu joħloq pressjoni enormi fuq l-istituzzjonijiet publiċi ta’ tmexxija u sorvelja. Dawn tfasslu u nżammu għaddejja sa ftit ilu skont tbassir ta’ bidliet wisq iċken minn dawk li qed jaffaċċjaw. 

    Effettivament, niddubita kemm qed jirnexxilhom ilaħħqu mat-tkabbir għaddej. F’dawn iċ-ċirkostanzi, li jsiru żbalji billi jittieħdu deċiżjonijiet ħżiena hu sfortunatament minn ewl id-dinja.  Essenzjali: strateġija maħsuba biex tilqa’ għal dil-problema.

    ***

    AĦBARIJIET IMBAGĦBSA

    Il-problema tal-aħbarijiet imbagħbsa ma bdietx illum. Ilha teżisti minn kemm il-bnedmin ilhom jużaw l-informazzjoni fil-kompetizzjoni għar-riżorsi u għall-poter.

    Li hu differenti illum joħroġ mill-ħeffa u l-firxa li biha aħbar imbagħbsa tista’ titwassal lill-popolazzjoni globali. U kif b’mezzi tekniċi li dejjem jissaħħu, l-istess aħbar tista’ tkompli tiġi mġedda u ripetuta.

    Fl-istess waqt, qed ikunu jistgħu jitħaddmu programmi enormi diġitali li jivverifkaw x’qed jaħsbu biljuni ta’ nies dwar suġġetti li dwarhom jinħarġu l-aħbarijiet imbagħbsa. B’hekk it-tbagħbis isir bil-ħsieb li jinfluwenzawhom dejjem aktar f’kif iqisu l-affarijiet, f’kif jivvotaw jew jikkonsmaw.

    Wieħed ikollu jiddubita jekk hemmx xi rimedju għal din is-sitwazzjoni allarmanti. Donnu li l-umanità riesqa lejn żmien fejn l-għażliet u d-deċiżjonijiet jittieħdu skont kriterji ssettjati minn ponn nies li jikkontrollaw l-apparat vast li bnew biex ir-realtà tintwera u tinħass b’mod falz.

    ***

    ŻEJTUN

    F’laqgħa miżmuma ż-Zejtun il-ġimgħa li għaddiet, kelli ċ-ċans niltaqa’ wkoll ma’ ħafna u ħafna ħbieb li magħhom min jaf kemm ħadt sehem f’kampanji politiċi llum minsija. Anke minn dal-lat biss, kienet esperjenza sabiħa.

    Aktar minn hekk, kienet interessanti sew id-diskussjoni politika. Fi żmien il-logħob tat-Tazza tad-Dinja ma tistenniex daqstant interess f’suġġett bħal li kellna għal-laqgħa – il-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2020 – 2027 u s-sehem ta’ Malta fih. Suġġett li jinħass tekniku u mbiegħed għal kollox minn x’jaffettwa lill-Maltin fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Mentri filfatt jista’ jkollu – u se jkollu – impatt mhux żgħir fil-Malta tas-snin imsemmija. 

    Tkellimna f’ċertu tul dwar hekk. Kif wieħed seta’ jistenna, l-interess iffoka l-aktar fuq l-impatt li Brexit u l-immigrazzjoni se jkollhom fuq il-finanzi futuri tal-Unjoni Ewropea.