KUNTRADIZZJONIJIET EWROPEJ

    KUNTRADIZZJONIJIET EWROPEJ

    Aktar ma jinqalgħu kontroversji dwar għażliet Ewropej, aktar joħroġ ċar li t-triq biex l-Unjoni Ewropea ssir aktar effettiva u magħquda hu billi jiġi rikonoxxut li hi għaqda bejn nazzjonijiet, li hi Ewropa tan-nazzjonaijiet.

    Fil-Parlament Ewropew ta’ bħalissa, dil-fehma hi mitqiesa bħala ereżija minn maġġoranza sostanzjali ta’ deputati, mhux l-anqas fost is-soċjalisti u d-demokratiċi. Il-pożizzjoni tagħhom u ta’ min jaħsibha bħalhom, kellha bħala riżultat li tiftaħ spazju politiku enormi għall-partiti “estremisti” speċjalment fuq il-lemin.

    Il-loġika għall-għaqda Ewropea trid tkun waħda konfederali.

    Trid tiżgura li tassew se jkun hemm konverġenza bejn in-nazzjonijiet differenti fl-oqsma ekonomiċi u soċjali. Jekk dan mhux se jsir – u mhuwiex qed isir – kull meta tinqala’ riċessjoni ekonomika jew kriżi politika, ikollhom jinstabu kompromessi nejja biex l-affarijiet ma jmilux lejn l-għarqa. Hu meta l-ekonomija dinjija (u Ewropea) tkun qed tavvanza, li l-kuntradizzjonijiet jistgħu jitgħattew.

    Forsi jaqbel li l-ġenerazzjonijiet preżenti fit-tmexxija Ewropea (tip ta’ Juncker) jinbidlu malajr kemm jista’ jkun ħalli l-ideat li wirtu u ħaddmu, jiġġeddu b’mod radikali.

    IL-MIDJA TRASPARENTI?

    Fid-diskors li jsir dwar il-ħelsien u s-sigurtà li jridu jingħataw lill-ġurnalisti biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom – għan li naqbel miegħu mija fil-mija – tkiddni ħaġa waħda: dik li ftit li xejn jissemmew l-istituzzjonijiet li fihom jissawwar il-ġurnaliżmu. Donnu li l-ġurnalisti jgħixu f’bozza għalihom fejn jagħmlu xogħol bla ma ħadd jindaħlilhom “minn ġewwa” fl-organizzazzjonijiet li jħallsuhom ta’ xogħolhom.

    Imma dawn huma strutturi bl-għanijiet u l-interessi tagħhom. Jekk jippretendu li għandhom jingħataw għarfien li qed jagħmlu xogħol ta’ fejda nazzjonali/publika, huma wkoll għandhom ikunu soġġetti għal kriterji ta’ trasparenza mhux jinħbew wara skużi ta’ kunfidenzjalità kummerċjali.

    It-Times ta’ Malta hi ħatja bil-kbir ta’ din l-ipokreżija. Waqt li l-ħin kollu tipproklama l-importanza tat-trasparenza fil-governanza tajba, baqgħet tirrifjuta li tixħet xi dawl fuq il-każ tad-direttur eżekuttiv tagħha Hillman.

    SKEMA TAL-MALTACOM                       

    Ċerti affarijiet li jiġru Malta bilkemm jitwemmnu.

    Xi għoxrin sena ilu, meta t-Telemalta ta’ dak iż-żmien ġiet ipprivatizzata in parti biex saret il-Maltacom (illum il-Go), ħloqna fond fejn tpoġġa numru sabiħ ta’ azzjonijiet tal-kumpanijia l-ġdida – fond li kellu jinżamm f’isem il-ħaddiema tal-kumpanija u jitmexxa għall-benefiċċju tagħhom.

    X’ġara minn dak il-fond? Min hu responsabbli għalih?

    Misterju enormi mid-dehra. Tisma’ li għal raġuni jew oħra dal-fond qala’ daqqiet kbar u li forsi jirkupra... Imma kif ġrat dil-ħaġa? U għaliex?

    Risposta ċara mid-dehra ma hemmx.

    Jiġu jistaqsuni dwaru u jkolli nammetti li ma nafx. Hi risposta xejn komda; wara kollox dawn huma/kienu fondi publiċi.