Sajd rikreattiv

    Ma jistax isir mod ieħor jekk irridu li l-provisti tal-ħut li jinqabad mill-baħar ma jinqerdux. Neħtieġu kontroll u maniġġjar ta’ kemm u kif jinqabdu l-ispeċji differenti ta’ ħut. Biex dan isir b’mod effettiv, trid tinġabar u tinżamm statistika serja dwar is-sajd u l-qbid irid ikun regolat.

    Issa hi ħaġa magħrufa li l-aqwa qbid isir mis-sajd li jitmexxa b’mod industrijali. Aktar minn kull forma ta’ sajd ieħor ġab tnaqqis kbir fil-provisti ta’ ħut fl-oċeani. Warajh jiġi s-sajd “tradizzjonali” li f’ħafna każi qed jinbela’ mis-sajd industrijali.

    Imbagħad hemm is-sajd rekreattiv, li jsir minn individwi bħala sport jew mogħdija taż-żmien. Jintqal li fil-Mediterran pereżempju, dan ukoll irid jiġi regolat. Il-problema hi li m’hemmx qbil ċar dwar fhiex jikkonsisti. Anzjan li jistad b’qasba minn fuq xatt tpoġġih fl-istess keffa bħal min joħroġ bid-dgħajsa imma mhux barra ħafna mill-kosta, anke bħala passatemp – jew ma’ xi ħadd li ġieli joħroġ bil-yacht għal-lampuki? 

    ***

    IMPJIEGI PUBLIĊI

    Għandha mnejn tkun ħaġa siewja li fiċ-ċifri tal-impjiegi, wieħed iħares mhux biss lejn in-nies impjegati fl-amministrazzjoni publika, imma lejn dawk kollha li b’xi mod jew ieħor, anke jekk mal-privat, għandhom xogħol li jiddependi minn fondi publiċi. Dan biex naslu għal stima ta’ x’piż in-nefqa tal-gvern qed ikollha biex toħloq l-impjiegi, fil-ħidma ekonomika li għaddejja bla nifs.

    Ilu li spiċċa ż-żmien li jiddependu minn din in-nefqa biss in-nies li jaħdmu mal-gvern. L-ewwel per mezz ta’ entijiet “parastatali” li kienu qed joperaw f’ħafna każi b’sussidji mill-baġit publiku, imbagħad b’kumpaniji privati biex jagħmlu xogħol li qabel kien isir mill-gvern bl-impjegati tiegħu. Wara, inħolqu ħidmiet ġodda għal kollox ta’ servizzi u konsulenzi fost oħrajn, li jgħaddu awtomatikament lill-privat b’kuntratt waqt li jiffinanzjahom il-gvern.

    Kemm hemm impjiegi “tal-gvern” fl-ekonomija Maltija li jmorru lil hinn minn impjieg fl-amministrazzjoni publika? – dik tkun il-mistoqsija.

    ***

    KSUR TA’ KONTINWITÀ

    Meta jkun hemm ksur ta’ kontinwità f’sitwazzjoni politika irid jgħaddi ż-żmien qabel l-affarijiet jerġgħu jikkalmaw u jieħdu kors prevedibbli. Sakemm jiġri dan, il-qagħda bilfors tinħass bħala kritika.

    Tqum il-kwistjoni jekk l-affarijiet humiex se jerġgħu jieħdu l-istess fasla bħal qabel jew isegwu xi mudell ġdid ta’ imġiba – jekk il-bidla li sseħħ wara l-ksur tal-kontinwità hix se tkun waħda revoluzzjonarja jew bidla li ma ċċaqlaqx mill-qiegħ il-mod kif isiru l-affarijiet.

    Jidher li l-“Punent” għaddej minn diskontinwità qawwija bħalissa. Jekk din hix waħda fondamentali jew ċaqliqa ta’ ftit żmien sakemm kollox imur lura lejn kif kien qabel, jew kważi, għad irridu naraw.