Mhux sew!

    Dawk li ma jaqblux mal-liġi tal-IVF li l-gvern qed imexxi fil-Parlament issa għarfu li hemm maġġoranza fih favuriha. B’dil-maġġoranza, l-liġi tgħaddi u l-linja tagħhom tingħeleb. Hekk jiġri f’demokrazija parlamentari.

    Meta qed jaraw dan, l-istess nies – jekk fhimt tajjeb – iridu jagħmlu pressjoni fuq il-President tar-Republika biex hi forsi jirnexxielha trażżan il-liġi.

    F’repubblika lajka, il-forzi soċjali li jitilqu minn twemmin reliġjuż jew simili għandu jkollhom kull dritt u spazju biex iwasslu l-messaġġ tagħhom. Imma li jqisu lilhom infushom bħala ddotati b’xi awtorità apparti li taġixxi lil hinn mir-regoli ta’ tmexxija kif imfissra fil-kostituzzjoni ma jagħmilx sens.

    Il-President ma għandha tiġi soġġetta għall-ebda pressjoni morali jew politika. Meta jsir dan, kwalunkwe deċiżjoni li l-Presidenza tar-Republika tieħu, tista’ tinftiehem bħala hi wkoll imnebbħa minn kalkoli politiċi. Dan mhux sew. 

    ***

    ILLUŻJONIJIET

    Skont il-Eurobarometer, il-Maltin huma fost l-aktar li fil-pajjiżi Ewropej jaħsbu bħalissa li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ ġid għall-pajjiż. J’alla jkomplu jaħsbu hekk.

    Biss ta’ min jistaqsi jekk das-sentiment hux iggwidat mill-fatt li bir-rankatura ekonomika u soċjali li għaddejjin biha, il-Maltin bħal kull poplu ieħor fl-istess ċirkostanzi, se jqisu li kull ma jinsab għaddej bilfors hu ta’ ġid, inkluża s-sħubija fl-Unjoni Ewropea. 

    Għax fil-verità, matul l-ewwel snin li fihom Malta kienet imsieħba fl-Unjoni Ewropea, il-lanja tat-tkabbir ekonomiku u soċjali tal-gżira kienet baxxa ħafna.

    Jekk issa, taħt gvern Laburista, l-affarijiet stejqru bil-kbir, ħmistax-il sena wara li l-pajjiż daħal fl-Unjoni Ewropea, dan għax irrankajna f’oqsma ekonomiċi fejn l-Unjoni Ewropea tindaħal ftit li xejn – il-bini, it-turizmu, is-servizzi finanzjarji, l-imħatri bl-internet. Ma ndaħlitx: sa issa... 

    ***

    PHILIP ROTH

    Għal nies tal-ġenerazzjoni tiegħi, Philip Roth li miet il-ġimgħa l-oħra, kien il-kittieb li kiser it-tabujiet kollha dwar kif teħles mill-frustrazzjoni sesswali bir-rumanz tiegħu “Portnoy’s Complaint”. Il-ktieb kien suċċess suċċessun. Imma warajh, Roth ippublika għadd kbir ta’ rumanzi li waqt li baqgħu fit-“territorju” ta’ Portnoy, twessgħu u nfirxu f’temi aktar kumplessi għalkemm marbuta b’katina li tinħass bħala awtobiografika.

    Bla dubju irriflettew l-esperjenzi ta’ Roth innifsu mal-mogħdija tas-snin, fost oħrajn fir-relazzjonijiet tiegħu man-nisa u fl-iżvilupp tal-kitba. Dejjem baqa’ jagħfas fuq il-perspettiva tal-Lhud Amerikani – dak li jagħmilhom simili għall-bqija tal-komunità Amerikana, u x’jiddistingwihom minn gruppi “etniċi” oħra. Mhux ta’ b’xejn li Roth jissemma fl-istess nifs ma’ John Updike u Saul Bellow. 

    Jekk ħafna jiftakru fil-kitba ta’ Roth għall-mod kif jittratta s-sess, lili laqatni wkoll fil-kitba tiegħu tal-aħħar, il-mod kif jiddeskrivi “minn ġewwa” ix-xjuħija u l-mewt.