"Il-kotba u l-qari huma mogħtija post “lura” fil-ħajja ta’pajjiżna"

    KOTBA LE

    Aktar ma nqabbel x’jiġri Malta ma’ x’jiġri f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea u barra minnha, aktar nifhem kemm il-kotba u l-qari huma mogħtija post “lura” fil-ħajja ta’pajjiżna.

    Barra xtutna, gazzetti ewlenin regolarment jippreżentaw sezzjonijiet b’rapporti, diskussjonijiet u kritika dwar kotba ġodda u qodma. Hekk ukoll f’stazzjonijiet televiżivi u tar-radjo. Ma jonqsux siti soċjali li jwettqu l-istess rwol b’entużjażmu u talent.

    Ma nistgħux ngħidu l-istess ħaġa għal Malta. (Dan mhux punt li qed naqilgħu għall-ewwel darba.) Forsi bl-eċċezzjoni ta’ “It-Torċa” fl-aħħar xhur, l-ebda ġurnal ma għandu servizz regolari dedikat għall-kotba bil-Malti jew għal kotba pubblikati f’Malta. L-aqwa artikli ssibhom magħmula mill-kittieba nfushom jew mill-edituri tagħhom, fuq stil publiċitarju. 

    Dwar attivitajiet kulturali oħra – bħal kunċerti mużikali popolari u klassiċi – ġieli jsiru aktar rapportaġġi, għalkemm ftit li xejn jinbnew b’koerenza editorjali.

    Imbagħad, nitbikkew fuq in-nuqqas ta’ impenn kulturali f’pajjiżna, sakemm ma nkunux qed nehdew filli nxewxu lil din jew lil dik l-għaqda kulturali Ewropea kontra xi parti jew oħra mill-istabbiliment kulturali f’Malta.

    FAST TRACK

    Hu tajjeb li għal ċerti proġetti mitqiesa bħala ekonomikament vantaġġjużi għall-pajjiż isiru sforzi ġenwini biex dawn jingħataw priorità ħalli jitwettqu bla tnikkir.

    Proċeduri “fast track” ta’ dat-tip huma aċċettabbli sakemm ikunu trasparenti u jagħtu attenzjoni lejn il-ħtieġa biex ċerti kondizzjonijiet – bħal dwar l-ambjent u l-ħarsien tal-wirt storiku – jibqgħu jiġu osservati. Kien hemm mhux ma kienx hemm kritika, anke qawwija, f’dar-rigward f’numru ta’ każi.

    Biss li ma tantx jidher ċar hu jekk l-istess proċedura “fast track” teżistix u tintużax ukoll għal proġetti ta’ natura soċjali. Bħal per eżempju l-bini ta’ skola jew ta’ faċilitajiet għal persuni b’diżabbiltà. Jekk le, għandna bżonnha.

    ANTI-SEMITIŻMU

    L-antisemitiżmu qed jerġa’ jgħolli rasu fl-Ewropa kif ftit tal-ġimgħat ilu, wera l-qtil barbaru ta’ anzjana f’Pariġi. Il-mezzi kollha għandhom jintużaw biex das-sentiment moqżież jixxejjen.

    Fl-istess ħin, ma rridux nerġgħu naqgħu fi żball li ta’ spiss kien isir fl-imgħoddi: dik li nuqqas ta’ qbil mal-politka ta’ Iżrael u kundanna ta’ ċerti aspetti tal-politika immexxija minn dan l-istat, jiġu ttimbrati bħala turija ta’ antisemitiżmu.

    Il-kontroversja li qamet dan l-aħħar fl-Università Ħielsa ta’ Brussell meta ġie biex jingħata dottorat onorarju d-direttur tal-films magħruf Kenneth Loach tat xhieda ta’ dit-taħwida inaċċettabbli. Tqajmu protesti kontra l-ġieħ mogħti lil Loach, inkluż mill-Prim Ministru Belġjan Michel, għax intqal li hu antisemita. Filfatt l-istqarrijiet iebsa li Loach għamel matul is-snin kienu jikkundannaw lil Iżrael meta dan addotta miżuri li jmorru kontra d-dritt internazzjonali.