Wara l-Għid

    Kull prattika reliġjuża li żviluppat madwar il-Mediterran u l-Lvant Nofshani, mill-kult ta’ Osiris fl-Eġittu sal-Kristjaneżmu u l-Iżlam, b’mod jew ieħor tat post ċentrali lill-idea tat-twelid mill-ġdid, tal-irxoxt, tal-Għid.

    Fl-aħħar sekli, fiċ-ċrieki Nsara, l-Għid donnu tilef postu bħala festa prinċipali lill-Milied, li jiċċelebra l-ewwel twelid mhux it-“tieni” wieħed. Is-sekolarizzazzjoni dejjem aktar qawwija imbagħad għamlet mill-Milied okkażjoni kummerċjalizzata li f’ħafna sensi tilfet il-ħrara reliġjuża.

    Issa, nissuspetta li anke dak li kien baqa’ bħala prattika reliġjuża fil-Għid innifsu qed jissekolarizza ruħu. Pereżempju, ma narax tifsira oħra għall-popolarità li ħadet il-mixja ta’ billejl “għal” Puttinu cares. Siewja kemm huma siewja l-għanijiet wara l-mixja, xorta jinħassu bħala żvalutar tas-simboliżmu reliġjuż u mistiku dwar it-tieni twelid, għax dan qed iċedi postu lil mobilizzazzjoni favur ġbir ta’ fondi. 

    ***

    PILATUS

    Kemm ilha għaddejja l-kontroversja dwar il-bank ta’ Pilatus, il-mistifikazzjonijiet u t-teatrini ma naqsux. Anzi, żdiedu matul ix-xhur. Xorta waħda, ftit ħarġu fatti ġodda, minkejja li għaddejjin tant inkjesti maġisterjali.

    Forsi d-dewmien kien ta’ min jistennih. Jidher li ħadu snin twal l-investigazzjonijiet mill-FBI dwar l-użu pprojbit taħt il-liġi tal-Istati Uniti ta’ banek Amerikani miċ-chairman tal-Pilatus, biex jiffinanzja proġett bejn l-Iran u l-Venezuela. Ma jidhirx li Pilatus kien involut f’dil-biċċa, għalkemm hemm min irid jgħaqqadha mal-ħidma f’Malta xi snin ilu ta’ linja tat-trasport Iranjana.

      Waqt li d-dewmien hu ta’ dwejjaq, hemm bżonn taż-żmien biex il-fatti kollha jiġu stabbiliti bis-sod. Ma tantx kellna minnhom – aktar smajna allegazzjonijiet u spekulazzjonijiet.

    Għandhom raġun dawk li jgħidu li jrid jiġi segwit b’galbu l-proċess investigattiv u regolatorju kollu bħal ma ġara fil-bank tan-Nemea. Ara, dwar dak il-każ ma kellniex allegazzjonijiet u teatrini. Min jaf għaliex.

    ***

    KNEJJES TA’ ĊIPRU

    Id-deputat Ewropew Ċiprijott Costas Mavrides tella wirja ta’ ritratti fil-Parlament Ewropew dwar il-knejjes Ortodossi li jinsabu fil-parti ta’ Ċipru okkupata mit-Turkija. M’inix bniedem “reliġjuż” u ftit naqbel ma’ dawk li jiddelettaw bi kritika bla waqfien lejn it-Turkija.

    Imma ħassejtni xxokkjat bil-mod kif il-knejjes f’Ċipru tan-nord jew inbidlu f’moskej, jew (flimkien maċ-ċimiterji) ġew vandalizzati u meqruda, jew inbidlu fi stallel, jew qed jintużaw bħala mħażen għall-armata Torka. Uħud minnhom huma storiċi u kellhom ikoni u statwi ta’ valur kbir.

    Kull okkupazzjoni ta’ pajjiż minn pajjiż barrani ġġib magħha danni u tħarbit. F’dal-każ, it-Turkija kellha d-dmir li tara li l-knejjes tal-“oħrajn” jingħataw kull rispett u ħarsien. Ma jidhirx li dan sar. Waqt li jidher ukoll li fin-naħa Ċiprijotta, l-moskej baqgħu miżmuma kif għandhom jkunu u mħarsa.