SPAZJU TAL-AJRU... L-ARTI F’GĦAWDEX... CHARLES MICELI

    SPAZJU TAL-AJRU

    L-argument hu, jew kien, li la Malta għandha spazju konsiderevoli fiċ-ċentru tal-Mediterran taħt is-sorvelja tagħha fl-ajru u l-baħar, trid tieħu responsabbiltà kbira hi wkoll fis-salvataġġ u ż-żamma tal-immigranti llegali li jgħaddu miż-żona.

    Waqt li cħadna dit-tieni esiġenza, bqajna żguri li ż-żona ta’ sorvelja għandha tinżamm kif inhi, taħt direzzjoni Maltija. 

    Ftit hu ċar f’moħħi xinhuma l-vantaġġi li qed nieħdu b’dis-sorvelja, ħlief bla dubju l-ħlas għas-servizz li qed nagħtu biex inżommu r-rotot miftuħa. Biss, lil hinn mill-ħlas...? Forsi l-informazzjoni li jkollna dwar iċ-ċaqliq ta’ bastimenti u ajruplani għandha xi siwi strateġiku jew ta’ sigurtà għalina? X’kapaċità għandna mbagħad biex ninqdew b’din l-informazzjoni?

    L-ispazju ta’ sorvelja li qed nitkellmu dwaru mhux bħall-meded tal-baħar li jdawruna, li barra mill-ħut, jistgħu qed iġorru provisti kbar ta’ żjut u minerali prezzjużi. Id-drittijiet fuq dawn tal-aħħar bl-ebda mod ma nistgħu nċeduhom. 

    L-ARTI F’GĦAWDEX

    Kienet fost l-aktar okkażjonijiet fil-Parlament li ħadt gost nattendi kemm ili membru: l-inawgurazzjoni minn Justyne Caruana ta’ wirja ta’ pitturi minn erba’ artisti Għawdxin – Anthony Caruana, Manuel Farrugia, Rachel Galea u Christopher Saliba. Biha ridna nuru kif l-artisti Għawdxin qed jesploraw b’suċċess idjomi ta’ żminijietna u b’hekk jagħtu xhieda tal-bidliet li qed iġġarrab il-gżira tagħhom.

    L-aktar li għoġbitni fl-okkażjoni kienet id-dehra tal-pitturi nfushom – kull waħda ħajja, b’laqta kontemporanja diretta jew ambigwa, toffri sfida. Mhux ta’ b’xejn li l-ħidma artistika f’Għawdex tinsab għaddejja b’rankatura, tant li issa anke artisti Maltin qed ifittxu li jkollhom preżenza f’Għawdex. 

    Dan hu żvilupp mill-aktar interessanti u għandu joffri opportunità wkoll għat-talenti ta’ kuraturi bħal Manuel Grima, il-moħħ wara l-wirja fil-Parlament Ewropew.

    CHARLES MICELI

    Kien ili nafu sa mill-ewwel żmien li bdejt naħdem mill-qrib mal-Union Print, fl-ewwel nofs tas-snin tmenin. 

     Kien differenti minn ħafna oħrajn – għalkemm “tax-xellug”, dejjem lest li jimmodera l-fehmiet tiegħu biex jagħti kont ta’ dak li qed jaħseb u jemmen ħaddieħor, waqt li bil-kwiet isostni l-ġudizzju tiegħu. F’dan, kien jiġbed lejn il-fehma ta’ min jinsab minn taħt.

    Fil-kalma u fil-ġentilezza tiegħu, kien sod fid-deċiżjonijiet li jieħu, kif ukoll fl-għażliet. Stagħġibt ftit meta qatagħha li jitlaq minn ġurnalist. Ma stagħġibtx bl-għażla tiegħu li minflok imur jaħdem mal-Caritas, fost dawk li qed jiġu kkurati mill-vizzju tad-droga. Għamel xogħol fejjiedi hemm. Wara, bqajt isegwi b’ammirazzjoni l-impenn tiegħu favur il-foqra. 

    Inħsadt ħafna bl-aħbar ta’ mewtu. Dawk li jinsabu minn taħt tilfu difensur qalbieni u intelliġenti. Kondoljanzi profondi lil Pauline u lill-familja kollha.