Emerġenzi

    Wieħed jissuspetta li fil-ħajja tal-lum, bl-użu dejjem jinfirex ta’ kompjuters u ta’ mezzi ta’ trasport, jistgħu jinqalgħu aktar malajr u forsi aktar ta’ spiss, emerġenzi li jaffettwaw is-sigurtà publika. Fit-toroq bit-traffiku jiżdied u x-xogħlijiet jinfirxu, fil-binjiet dejjem ogħla li telgħin, fit-tempesti aktar qawwija li l-bidla fil-klima tista’ ġġib magħha, bil-wirjiet dejjem akbar ta’ spettaklu u divertiment li qed jittellgħu...

    Hu kruċjali li talanqas għal dawk l-emerġenzi li jistgħu jitbassru minn qabel, ikunu lesti ħidmiet ipprogrammati biex jilqgħu għalihom. Importanti wkoll li jsiru eżerċizzji regolari biex tinżamm verifika ta’ kemm it-tħejjijiet ikunu adekwati, kif ukoll biex isir aġġornament regolari ta’ kif jistgħu jitwettqu.

    Għandha tinstab proċedura prudenti imma serja li biha jingħata rendikont lill-Parlament dwar il-qagħda fil-qasam tal-ilqugħ għall-emerġenzi b’diskussjoni li tippermetti bdil ta’ ideat dwar kif il-ħidma kollha tista’ tissaħħaħ.

    ***

    BŻONN TA’ KAMPANJA PROFESSJONALI

    It-taħsir fix-xbiha tal-pajjiż ma bdietx ilbieraħ, għalkemm ftit konna indunajna b’li qed jiġri. Ir-rankaturi fis-servizzi finanzjarji u fuq kollox fil-qasam tal-imħatri bl-internet qanqlu dwarna interess negattiv sa mill-aħħar tad-deċennju ta’ qabel dan. Bdejna nitqiesu bħala ġenna fiskali. Dil-fehma żdiedet fl-aħħar snin. Hemm interessi li baqgħu jaħdmu biex dan jiġri u jkompli jiġri.

    Dwar hekk żgur li għaddejja kampanja publiċitarja fuq bażi internazzjonali, maħsuba apposta biex tpoġġi lill-pajjiz f’rokna, mhux l-anqas f’oqsma fejn jinħadmu l-kuntatti Ewropej. Il-gvern qed jagħmel tajjeb li per mezz tal-Ministri tiegħu u oħrajn iwassal messaġġi li jfittxu juru realtà oħra mid-dehra li qed tixxandar ta’ pajjiżna.

    Biss dan mhux biżżejjed. Neħtieġu kampanja professjonali, immexxija fuq linji kummerċjali minn esperti fil-qasam tar-relazzjonijiet publiċi biex tikkumbatti l-kampanja kontra li tinsab għaddejja.

    ***

    INFORZAR TAL-LIĠIJIET

    Wieħed mis-setturi fejn baqagħlna biex nilħqu livelli sodisfaċenti hu dak tal-inforzar tal-liġijiet, speċjalment fejn hemm bżonn ta’ dixxiplina ċivika. F’das-sens, l-agħar dnubiet isiru fejn jinsabu telgħin binjiet ġodda, minkejja l-isforzi dejjem għaddejja biex jikkonvinċuna kemm is-settur tal-bini sar modern u dixxiplinat. Jiddispjaċini imma ħlief għall-minoranza li tinħass bħala eċċezzjonali, ta’ spiss hi ħaġa ċara li qed jiġri bil-maqlub.

    Oqsma oħra madankollu jidinbu bl-istess mod. Fil-qasam tal-ambjent. Tal-abbużi fl-użu ta’ spażji publiċi, bħal fl-imwejjed u siġġijiet li jibilgħu l-bankini. Tal-impjiegi prekarji. 

    Malta għandha wieħed mill-ogħla riżultati fil-ħidma mwettqa biex direttivi u regolamenti tal-Unjoni Ewropea jiddaħħlu fil-pajjiż. X’aktarx imma li dan jindika biss li l-liġijiet inbidlu biex jirriflettu dak li qed “tordna” l-Unjoni Ewropea. Kemm qed jitwettqu tabilħaqq u mhumiex miżuri li baqgħu biss fuq il-karta tista’ tkun ħaġa oħra.