L-20 ta’ Frar qisu ma jeżistix

    Frar iġib miegħu ċerti tradizzjonijiet, biex insejħilhom hekk. Bħal ngħidu aħna l-festa ta’ San Pawl nhar l-10 ta’ Frar. Jew inkella San Valentinu fl-14. Biex ma nsemmix ir-Randan, li l-biċċa l-kbira jaħbat f’dan ix-xahar. U sintendi meta r-Randan jiġi f’dan ix-xahar, qablu jiġi l-Karnival.

    Madankollu hemm ukoll l-20 ta’ Frar. Jum li fih suppost infakkru l-Ġustizzja Soċjali. Imma donnu ħadd ma jagħti kas din id-data. Ma nafx hux għax il-ġustizzja soċjali mhix importanti daqs il-brijju tal-Karnival, il-kartolini li l-maħbubin jibagħtu lilhom infushom jew daqs il-marċ tal-Pawlini. 

    Mingħajr ma nnaqqas xejn minn dak li nfakkru f’dan ix-xahar, ngħid biss li l-fatt li Jum il-Ġustizzja Soċjali jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien, għalija jfisser ħafna.

    Stqarrija

    Biex inkun onest, u biex nagħti lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri, tajjeb ngħid li kienet il-Knisja biss li ftakret f’dan il-jum. Veru m’għamlitx festi u ma ħarqitx murtali u kantat antifoni, imma talanqas ftakret.

    Permezz tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l-Kummissjoni Emmigranti, l-Arċidjoċesi seħqet fi stqarrija li huwa l-bniedem mhux l-alla tal-flus li għandu jkun fiċ-ċentru tas-sistemi soċjali u ekonomiċi jekk veru rridu li ssaltan il-ġustizzja soċjali.

    Fl-istqarrija tagħhom iż-żewġ kummissjonijiet qalu li huwa d-dmir tal-insara kollha li jaħdmu għall-ġustizzja u komplew billi fakkru li l-faqar huwa reali u hemm min qed jitqabad biex jgħix. Huma kkwotaw il-kliem tal-Papa Franġisku li l-faqar mhuwiex sfortuna inevitabbli u l-kawżi tiegħu jridu jiġu identifikati u jitneħħew.

    Kuljum

    Bla dubju l-ħidma tagħna għall-ġustizzja soċjali, jekk verament nemmnu fiha, m’għandhiex tkun biss ta’ ġurnata fis-sena. Irridu nibqgħu nirsistu kuljum biex fejn naraw l-inġustizzja soċjali nagħmlu minn kollox biex nistradikawhom.

    Ix-xogħol tagħna għall-ġustizzja soċjali m'għandu jieqaf qatt u rridu nibqgħu nirsistu sakemm veru jkun hawn rivoluzzjoni fis-soċjetà. Minn dinja fejn is-suq huwa baqra sagra rridu nsibu l-mezzi biex naslu għal komunità fejn kulħadd jagħti li jista’ u jieħu dak li jinħtieg.

    Veru tista’ tgħidli li qed noħlom b’utopja. Imma kif jgħid John Lennon fid-diska klassika “Imagine”, “you may say that I’m a dreamer, but I’m not the only one, I hope someday you’ll join us and the world will live as one”.