Barranin jaħdmu f'Malta

    Jidher li hemm malintiż dwar fhiex jikkonsisti l-valur għall-ekonomija tagħna filli jkun hawn barranin jaħdmu fostna. Qisu li dal-fatt minnu nnifsu juri kemm tkun b’saħħitha l-ekonomija. Biss il-mistoqsija t-tajba hi: Il-ħaddiema barranin x’rwol qed jieħdu? Ta’ liema siwi ekonomiku qed ikunu?

    Għax fl-istorja tal-gżejjer tagħna kważi dejjem kellna fostna barranin f’numru kbir jgħixu u jaħdmu hawn. Fi żmien il-Kavalieri pereżempju, bis-segwaċi li ġabu magħhom (biex ma nsemmux lill-ilsiera). Fil-biċċa l-kbira dawn kienu nvoluti fil-qasam tas-servizzi “militari” imma l-attività tagħhom kellha wkoll dimensjoni ekonomika. L-istess jista’ jintqal għal żmien il-ħakma tal-Brittaniċi.

    It-test ewlieni mhuwiex kemm ħaddiema barranin qed isibu jaħdmu fostna fi żmien fejn il-qgħad laħaq livell storikament mill-aktar baxx.

    It-test irid ikun ukoll dwar jekk il-ħaddiema barranin humiex jagħmlu xogħol li l-Maltin ma jridux jew ma jafux jagħmlu? Xogħol li mingħajru l-ekonomija Maltija togħtor? Xogħol li jagħmluh ħafna aħjar mill-ħaddiema Maltin u b’irħas?

    Mistoqsijiet li jridu jintrabtu ma’ oħra: X’jiġri jekk il-ħaddiema barranin jitilqu mil-lum għal għada?

    ***

    MACRON MA’ MIN?

    Kurjuża l-kwistjoni ta’ kif il-politika Franċiża se tippożizzjona ruħha fit-tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju 2019. L-akbar partit politiku fi Franza issa hu – u bil-kbir – La Republique en marche: Ir-republika tavvanza, LRM, tal-President Macron. Hu partit li sa issa m’għandu l-ebda rappreżentanza formali fil-Parlament Ewropew u ma jinsab affiljat mal-ebda grupp.

    Bil-President Franċiż li diġà ħa rwol ewlieni f’moviment lejn “riforma” Ewropea li għadha tittituba, is-sitwazzjoni hi ambigwa. Macron se jingħaqad ma’ xi grupp eżistenti? – u jissemmew il-Liberali. Sa issa f’pajjiżu, fejn ma jeżistix kurrent “liberali”, hu pprefera joħloq ferq għal rasu. 

    Kummentaturi jispekulaw li jrid jibni linja tiegħu fl-Ewropa wkoll. Filfatt saħaq dwar il-ħtieġa ta’ “konvenzjonijiet” popolari mal-kontinent biex jiddiskutu l-futur tal-Unjoni Ewropea, it-tattika li uża fil-kampanja presidenzjali Franċiża.

    Hu dubjuż jekk jistax jasal fiż-żmien qasir li fadal.

    ***

    IRMIED

    L-“istaġun” tar-Randan jibda biċ-ċelebrazzjoni tal-irmied (għalkemm dis-sena din ġiet segwita mit-tkomplija taċ-ċelebrazzjoni tal-Karnival). Madankollu mhux ċar kemm l-irmied għadhom jissimbolizzaw f’moħħna, l-istat futur ta’ ġisimna wara l-mewt.

    Aktar sar iqanqal xbihat ta’ dwejjaq ambjentali – bħal fit-tniġġis mill-fabriki u karozzi, bit-twaddib ta’ fdalijiet ta’ żjut li jikkontaminaw l-atmosfera; jew xbihat ta’ dħaħen li joħorġu mill-vulkani biex joħolqu diżgwid fit-titjir tal-ajruplani. 

    Forsi l-irmied jerġa’ jikseb ir-rwol simboliku qadim tiegħu meta naqilbu mija fil-mija mid-dfin għall-ħruq tal-katavri. Ilna niddiskutu dwar kif dil-biċċa tista’ sseħħ ma nafx kemm, u għalkemm anke l-Knisja Kattolika saret taqbel mal-proċedura, ftit li xejn avvanzajna.