VOT TA’ SITTAX... ABORT... ELEZZJONIJIET FL-ITALJA

    VOT TA’ SITTAX

    Talanqas iż-żewġ partiti prinċipali fil-Parlament sabu xi ħaġa importanti ħafna li dwarha qablu b’qalb waħda: l-għoti tal-vot liċ-ċittadini żgħażagħ ta’ sittax-il sena. Forsi fil-għaġla biex jaqblu u juru li qed jaqblu, numru ta’ mistoqsijiet ewlenin ma ngħatawx tweġiba sħiħa. Imma ma jimportax (?). L-aqwa li rreġistrajna qbil, mhux hekk?

    Lil hinn mill-agħa dwar kif daħħalna dir-riforma qabel ħafna pajjiżi, xorta l-mistoqsijiet jibqgħu intriganti. Pereżempju, għaliex sittax u mhux sbatax jew ħmistax-il sena? 

    Imbagħad hemm il-kwistjonijiet dwar kif persuna li tista’ tivvota għax għandha sittax, ma tistax tixrob l-alkoħol fil-publiku – issuq karozza – jew ma tistax tiżżewweġ liberament – jew ma tistax jagħmel ċerti atti ta’ natura legali... – jew anke, jekk fhimt tajjeb il-problema, ma tistax tikkandida ruħha għal kunsillier? sindku? deputat? Apparti mill-kwistjonijiet dwar kif persuna eletta mbagħad ta’ sittax-il sena tkun mistennija tlaħħaq mal-obbligi tal-iskola fejn tattendi. 

    Forsi wara kollox, l-għoti tal-vot lil min għandu sittax-il sena kien jixraqlu dibattitu aktar profond.

    ABORT

    Għaddej konfront biered fil-midja bħalissa dwar l-abort. Jista’ jkun li r-referendum li qed jitħejja fl-Irlanda dwar is-suġġett, qanqal l-interess. Imma jidher li l-biċċa għandha warajha mbatt ta’ kurrenti lokali qawwija. Regolarment tidher korrispondenza li bl-aktar mod iebes tipproklama kemm l-abort hu kontra n-natura ta’ Alla u l-bniedem. 

    Regolari wkoll imma ħafna aktar kawti u anqas spissi, jiddaħħlu stqarrijiet favur li n-nisa għandu jkollhom id-dritt li jiddeċiedu x’jagħmlu b’ġisimhom. Waqt li tat-tieni għandhom argumenti li mhux ta’ min jarmihom, tal-ewwel jafu li għandhom maġġoranza pjuttost kbira warajhom.

    Jien qiegħed fil-pożizzjoni kurjuża li matul nofs il-ġimgħa hawn Malta, nsib ruħi f’pajjiż fejn tiddomina l-linja kontra l-abort. Fin-nofs l-ieħor tal-ġimgħa, nkun f’soċjetà li bl-aktar mod naturali u qawwi, tqis l-abort bħala dritt fondamentali tal-mara.

    ELEZZJONIJIET FL-ITALJA

    Fuq ix-xellug, l-elezzjonijiet fl-Italja qed jiġu preżentati bħala sfida biex jiġu mħarsa l-valuri u l-impenn Ewropej fil-pajjiż. Is-sentiment kontra s-sħubija fl-Unjoni Ewropea tħalla jiżdied wisq u hemm bżonn li kif għamel Macron fi Franza, il-poplu jingħata l-opportunità li jimmarka l-qbil tiegħu mal-proġett Ewropew. U x-xellug biss jista’ jagħtih din l-opportunità, hekk qed jintqal.

    Il-bużillis jinsab fil-fatt li x-xellug hu maqsum. Mhux kulħadd jaqbel li l-ewwel priorità għandha tkun front kontra l-“anti”-Ewropej. L-aqwa front, jintqal, hu dak ta’ kontra l-awsterità fl-Ewropa, li swiet daqstant imrar lill-ħaddiema u l-familji tagħhom. F’qafas u b’emfażi differenti, l-istess ħsibijiet qed jitqanqlu fost is-soċjalisti demokratiċi Ġermaniżi. 

    Sadattant, il-kampanja elettorali trid tiġi miġġielda.