DOMMATIŻMU... PLASTIKK... SPD

    DOMMATIŻMU

    Nistagħġeb meta nisma’ nies ta’ stoffa jitkellmu b’konvinzjoni enormi dwar il-futur. Donnhom ċerti għal kollox li dak li jifhmu li se jiġri, żgur se jseħħ.

    Issa hi ħaġa ċara li aħna lkoll għandna l-fehma tagħna dwar x’għandu jsir u għaliex. Nemmnu li jkun jaqbel ħafna jekk l-affarijiet isiru hekk u mhux hekk. Imma dan għandu jwassal sal-konvinzjoni żonqrija dwar kif se jkun il-futur komplut?

    Għamilt dil-mistoqsija dan l-aħħar meta smajt deputat Ewropew influwenti ħafna jiddikjara bla tlaqliq li bil-Brexit, ir-Renju Unit qed jagħmel żball ġganti li għall-futur se jiswielu qares ħafna.

    Jien ukoll naħseb li wara erbgħin sena fl-Unjoni Ewropea, il-ħruġ tar-Renju Unit mhux deċiżjoni tajba. Imma li minn hemm, nasal biex ngħid li b’did-deċiżjoni, l-Gran Brittanja bilfors se titkisser jidhirli li hu pass bogħod iżżejjed. Aktar jirrifletti dommatiżmu milli għarfien għaqli ta’ kif jistgħu jiżviluppaw ir-relazzjonijiet bejn il-ġnus.

    Wieħed ma jistax jeskludi l-possibbiltà li l-Brexit għad jissarraf mas-snin f’qagħda aqwa għar-Renju Unit fix-xena internazzjonali.

    PLASTIKK

    Bħalissa fl-Unjoni Ewropea għaddejja kontroversja dwar kif se tiġi mrażżna l-fawra bla qies fl-użu tal-plastikk għall-ippakkeġġjar, fost oħrajn. Dan l-użu li mistenni jiżdied, qed joħloq kriżi ambjentali.

    Meta naqra u nisma’ dwar il-problemi li qed jinqalgħu, nitbissem, mhux mingħajr qrusa. Argument dwar l-użu tal-plastikk li konna għamilna fil-kampanja dwar jekk Malta kellhiex issir membru tal-Unjoni Ewropea jew le, mal-ħmistax-il sena ilu, tqajjem fil-qafas ta’ diskussjoni dwar it-tendenza tal-Unjoni Ewropea biex tlibbes lil kulħadd l-istess żarbun. Konna għedna li bħala membru tal-Unjoni, Malta se jkollha ddaħħal l-użu tal-plastikk bl-istess mod bħall-membri l-oħra u ma setgħetx tibqa’ tagħti d-dritta (kif konna nagħmlu dak iż-żmien) lill-użu tal-fliexken.

    Kienu ddieħku bina. Iddaħħlet fostna l-politika Ewropea “favur” il-plastikk. Kif ipprevedejna, aħna farna bil-plastikk... u anke l-Unjoni.

    SPD

    Qed nikteb dan qabel isir magħruf ir-riżultat tal-vot fil-konferenza ġenerali tal-SPD, il-partit soċjalista Ġermaniż, dwar jekk il-partit għandux jinnegozja mas-CDU/CSU biex iż-żewġ naħat jifformaw koalizzjoni ta’ Gvern “kbira”. Jiddeċiedu x’jiddeċiedu d-delegati soċjalisti, l-partit tagħhom jinsab maqbud f’sitwazzjoni li telf biss tista’ ġġiblu. 

     Jekk jidħol f’koalizzjoni, hemm ċans tajjeb li jkompli jiddiżappunta lill-votanti tiegħu, li ma jaraw li baqagħlu xejn differenti mill-konservattivi – u dan wara li wegħedhom li se jiġġedded.

    Jekk jibqa’ fl-oppożizzjoni, jiġi kkritikat li mhux iqis l-interess nazzjonali, għax il-Ġermanja teħtieġ gvern qawwi u stabbli. 

    Biss il-Ġermanja teħtieġ li politikament, iċ-ċittadini jħossu li għandhom għażla serja bejn żewġ alternattivi differenti meta jiġu biex jivvotaw. Jekk le, id-demokrazija se tbati.