Lura għas-soċjaliżmu?

    Erba’ paragrafi tal-Membru Parlamentari Ewropew u eks Prim Ministru Dr Alfred Sant tefgħuni f’baħar ta’ ħsieb. Qed nirreferi għal dak li kiteb fil-blogg tiegħu fil-pagna online ta’  ”The Malta Indipendent” taħt ir-ras soċjaliżmu.  

    Mhux se noqgħod nirrepeti kelma b’kelma. Imma min jinteressaħ jista’ jsib din il-kitba fuq dan is-sit elettroniku: http://www.independent.com.mt/articles/2018-01-01/blogs-opinions/Socialism-6736183113

    Nemmen li tajjeb li fil-jiem u l-gimgħat li ġejjin naqbdu dan is-suġġett. Anke jekk hawn min jemmen li s-soċjaliżmu mhux biss għadda żmienu imma miet u ndifen. 

    Biex tagħqad hafna huma dawk li għadhom jirrepetu dak li kienet qalet Thatcher. Il-famuża TINA. There is no alternative. M’hemmx alternattiva għan-neoliberalizmu. 

    Imma veru? U xi prezz qed inħallsu għal din is-sistema tas-suq isuq?

    DIŻILLUŻI

    Sant, bla dubju wieħed mill-aqwa mħuħ f’Malta, jghid mill-ewwel li s-soċjaliżmu bhalissa għaddej minn żmien ħażin. U naqbel miegħu. Sfortuntament in-neoliberaliżmu rrombla minn fuq kulħadd, 

    Imma, għax dejjem hemm l-imma, qed jidhru xquq kbar f’din is-sistema. U kullimkien hemm eluf ta’ nies, anzi miljuni, li huma diżullużi. Miljuni li tilfu t-tama kemm fiċ-ċentru xellug kif ukoll fiċ-ċentru lemin. 

    Ghalkemm, kif jgħid Sant, it-triq ’il quddiem għas-soċjalisti hija iebsa, ma rridux naqtgħu qalbna. Irridu nibqgħu sodi fit-twemmin tagħna u, kif jgħid l-innu, nissuktaw fil-ħidma mbierka.

    X’SOĊJALIŻMU HU?

    Imma fuq xiex ezatt qed nitkellmu meta nsemmu s-soċjaliżmu. Bla dubju m’aħniex nitkellmu dwar xi dittatura tal-proletarjat. Jew dwar xi forma ta’ Stalinizmu. Suppost li tgħallimna mill-istorja tas-seklu l-ieħor. Allavolja hawn ftit li baqgħu jgebbduha sal-lum.

    B’soċjaliżmu, jien talanqas, nifhem soċjaliżmu demokratiku. Sistema mibnija fuq il-gustizzja soċjali fejn is-suq ikun ghall-bniedem u mhux il-bniedem għas-suq. Sistema fejn id-drittijiet umani jkunu garantiti u fejn hadd mhu għar-rimi.

    Nista’ nibqa’ sejjer. Imma nghid li personalment nemmen b’saħħti kollha f’soċjaliżmu li jkejjel il-progress tas-socjeta’ mhux b’kemm kiber il-prodott gross nazzjonali imma bil-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa fis-socjetà.