SANZJONIJIET TAL-UNJONI... BANNISTER... KIF NUŻAW IL-MALTI

    SANZJONIJIET TAL-UNJONI

    Il-kontroversja li qed tagħqad bejn il-gvern Pollakk u l-Unjoni Ewropea tqajjem diversi mistoqsijiet. Waħda minnhom hi li jekk l-Unjoni tiddeċiedi li “tikkastiga” lill-Polonja talli mhijiex iġġib ruħha skont il-valuri demokratiċi tal-Unjoni, x’sanzjonijiet tista’ tuża?

    L-“aqwa” sanzjoni hi li l-Polonja titlef id-dritt tal-vot. Anke jekk il-membri l-oħra kollha jaqblu dwarha, kemm tista’ tiġi sostnuta għal żmien twil dis-sanzjoni bla ma żżid fil-kriżi? 

     Għat-tul, deċiżjoni hekk twassal għat-tkeċċija tal-Polonja mill-Unjoni. Imma kif tista’ titħaddem miżura bħal din? Qed naraw il-problemi “tekniċi” li nqalgħu bil-Brexit, anke b’żewġ naħat li qablu biex jinnegozjaw divorzju “amikevoli” bejniethom.

    F’sanżjoni oħra, jistgħu jinżammu fondi fuq proġetti Pollakki. Anke din tqajjem problemi. Fil-bidu tista’ toqros. Malajr imma wieħed jistenna li l-gvern Pollakk jirritalja, ngħidu aħna billi ma jħallasx is-sehem tiegħu għall-baġit tal-Unjoni.

    BANNISTER

    Ħaġa kurjuża kif il-PN dar kontra l-Professur Bannister, ċermen taċ-Ċentru tas-Servizzi Finanzjarji Malti. Sa ftit taż-żmien ilu, kellu wkoll il-fiduċja ta’ parti sostanzjali mill-kamp Laburista. Il-gvern attwali tah l-appoġġ tiegħu.

    X’wassal tassew biex tal-PN iduru kontrih?

    Fl-1996/97, meta gvern Laburista neħħieh minn ċermen taċ-ċentru finanzjarju ta’ dak iż-żmien, biex minfloku ħatar lill-professur Scicluna, llum ministru tal-finanzi, rappreżentanti ewlenin tal-PN ħaduha ħafna bi kbira. 

     Xejn ma kien għoġobni l-mod kif il-professur Bannister u l-ministru tal-finanzi ta’ qabel, John Dalli, kienu kisruha mal-Istati Uniti f’negozjati għat-tiġdid tal-ftehim dwar it-taxxa doppja bejn iż-żewġ pajjiżi. Talanqas, irnexxielna nsolvu t-taħbila li ħallewlna. L-impatt tal-ftehim milħuq inħass wara l-1998. Ħa kredtu għalih il-gvern ta’ Fenech Adami, li kien ħoloq il-problema!

    Sa fejn naf, ma teżistix raġuni simili llum.

     Il-ġudizzju dwar l-operat tal-Professur Bannister la jista’ jkun kollu iswed, lanqas kollu abjad. Aktar irnexxa fil-promozzjoni tas-servizzi finanzjarji f’Malta, milli fit-twettieq ta’ regolamentazzjoni soda għas-settur.

    KIF NUŻAW IL-MALTI

    Minnu li meta nitkellmu fil-ħajja ta’ kuljum, ninqdew b’forom dejjem aktar ġodda ta’ espressjoni, waqt li nħawruhom b’termini barranin, l-aktar mill-Ingliż.

    Dan hu fenomenu naturali li jeżisti kullimkien.

    Kemm għandu madankollu jaffettwa l-mod kif nużaw l-ilsien Malti fil-kitba mhijiex u ma tistax tkun ħaġa ċara. Xejn ma naqbel ma’ dawk li fil-kitba bil-Malti jħossu li għandhom jirriflettu bla riżerva l-mod kif nesprimu ruħna – għalkemm ovvjament, għandhom kull dritt isegwu l-ħsieb tagħhom.

    Nemmen li l-Malti miktub irid iżomm sens ta’ regoli f’dak li “jintqal” u f’kif “jintqal”, li jżommuh distint mill-Malti mitkellem. Dan m’għandux ixekkel lill-miktub milli jinbidel maż-żmien. Imma jrid jagħmel hekk b’rata ħafna anqas imgħaġġla minn dik li nsegwu fil-lingwa mitkellma.