'So lonely this Christmas'

    Id-diska naħseb jafha kulħadd. Insejt min ikantaha. Mingħalija Elvis. La nara lil Mario Laus nistaqsih. Imma l-kliem iduru ġo moħħi. Try to imagine a house that’s not a home, try to imagine a Christmas all alone…

    Mhux faċli u mhux faċli timmaġinah. L-aktar dawk imdawrin bil-familja, bil-qraba u l-ħbieb. Dawk li għalihom il-Milied hu żmien sabiħ. Żmien ta’ ferħ u ċelebrazzjoni. Żmien ta’ ghaqda u tiġdid.

    Imma għal dawk li m’għandhom lil ħadd, l-istorja hija differenti. U meta smajt li għall-ikla li jorganizzaw il-Caritas f’Jum il-Milied intlaħqet il-figura ta’ 500 persuna, ma kontx naf x’se naqbad ngħid.

    … U AKTAR

    Ma rridx inkun negattiv. Imma ma’ dawn irridu nżidu n-nies li jattendu ikliet f’postijiet ohra organizzati minn erwieħ tajba bħall-Kappillan tal-Imgarr u d-Dumnikani tal-Belt.

    Barra dawk li għal xi raġuni jew oħra jżommu lura. Għax jistħu. Għax ma jistgħux joħorġu mid-dar. Għax qegħdin fi sptar jew f’xi dar tal-anzjani fejn ma jmur jarahom ħadd.

    U magħhom inżid il-priġunieri li jisimgħu t-tokki ta’ nofs il-lejl minn ġo ċella magħluqa bejn erba’ ħitan.

    PROBLEMA

    Il-problema tas-solitudni hija kbira u mifruxa ma’ Malta u Għawdex kollu. Kif ħareg ċar mir-rapport tal-Helpline 179. Eluf ta’ nies iċemplu għax m’għandhomx ma’ min jgħidu kelma. 

    Sitwazzjoni, qalulna, li hija għaxar darbiet akbar mill-problema tad-droga u l-alkaħol.

    U taħsbux li qiegħed nitkellem fuq anzjani biss. Nies ta’ kull età. Kbar u zgħar. Nisa u rġiel. Ġuvintur u xebbiet. Staqsu lill-voluntiera tal-179 jew lis-social workers jew lill-kappillani u tkunu tafu.

    SOLUZZJONI

    Ma nippretendix li għandi soluzzjoni. U forsi flok soluzzjoni jista’ jkun hemm soluzzjonijiet. Imma importanti li nsibu modi differenti kif ma nħallux din il-pjaga tkompli tikber u tinfirex.

    Forsi tajjeb jekk il-Kunsilli Lokali flimkien mal-Kappillani f’kull rahal iwaqqfu kumitat li jfittex lil dawn in-nies u jara kif jista’ jgħinhom. 

    L-ikla tal-Milied hija inizjattiva sabiħa u ta’ min jinkoraġġiha. Imma dawn in-nies għandhom bżonn il-wens is-sena kollha.