Spiċċa l-kunsens?

    Mitlufa fil-ħamba dwar l-emenda għar-rapport tal-kumitat tal-Panama fil-Parlament Ewropew dwar li Malta hi ġenna fiskali, kien il-punt li r-rapport (mingħajr l-emenda li ma għaddietx) ġie approvat. 

    Issa r-rapport jinkludi proposti li l-gvernijiet Maltin dejjem kienu kontra. Bħal li pereżempju, kwistjonijiet dwar tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea ma għandhomx jibqgħu jiġu deċiżi biss b’unanimità bejn pajjiżi membri. Bħal li għandu jidħol mod uniku kif il-profitti jiġu kalkolati. Bħal li għandhom jintemmu l-ftehimiet bilaterali dwar taxxa.

    Min ivvota favur ir-rapport kollu kemm hu, ivvota favur dawk il-miżuri. Hekk għamlu d-deputati Ewropej Nazzjonalisti. Nimmaġina li dan ifisser li spiċċa l-kunsens politiku li kien ilu jeżisti dwar dawn il-kwistjonijiet li jaffettwaw bil-kbir l-interess nazzjonali.

    Stennejt biex nara hux se jkun hemm korrezzjoni tal-vot min-naħa tagħhom, kif xi ħadd qalli li se jiġri. Sal-mument li qed nikteb, ma saret l-ebda korrezzjoni.

    ***

    Drogi

    Forsi se ninstema’ antikalja, imma lanqas jimportani. Jidhirli li qed nillaxkaw wisq dwar l-użu tad-droga. Fid-diskors politiku dwar l-użu tagħha u fit-tħaddim tal-liġijiet viġġenti dwar droga deħlin vizzji inkwetanti.  

    Fost tfal ta’ 13, 14 u 15 u dawk ftit ta’ snin (sentejn/tlieta) akbar, tqajmet l-aspettattiva li d-drogi daqt jiġu permessi. Allura m’hemm l-ebda problema jekk idduqhom minn issa.

    Agħar minn hekk, minkejja kull ma jintqal fil-publiku, r-realtà hi li tfal/ “żgħażagħ” ta’ bejn l-14 u s-16 isibu faċilment x’ipejpu (mhux sigaretti) u xi jduqu, anke fil-madwar tal-iskejjel. Dan barra milli faċilment ukoll isibu alkoħol u tabakk x’jikkunsmaw.

    Dawk li qaluli x’inhu jiġri jafu mill-qrib dwar x’inhuma jitkellmu. Mhumiex jistrieħu fuq xi kwestjonarji. Forsi r-riċerka li hemm bżonn issir biex ir-realtà tkun magħrufa, mhux metodoloġija akkademika għandha tuża imma waħda ta’ operazzjoni polizjeska “undercover”.

    ***

    Aznavour

    Mhux lil Johnnie Halliday messek semmejt, imma lil Charles Aznavour. Hekk qalli ħabib tiegħi b’referenza għall-blogg ta’ qabel dan. 

    Kellu punt. Aznavour ukoll fl-aħħar ġimgħat qanqal interess enormi fi Franza. Ta’ 93 sena ta kunċert sħiħ fl-akbar sala ta’ Pariġi quddiem udjenza ppakkjata u entużjasta. Imbagħad telaq għal sensiela ta’ kunċerti oħra mal-pajjiż.

    Is-sabiħa hi li minkejja li ħafna mill-kanzunetti li ppreżenta ilhom is-snin li ħarġu, l-impressjoni li Aznavour ħalla kienet ta’ sforz artistiku kontemporanju. L-età kienet hemm, u kif! – imma s-sentiment kien wieħed tal-lum. Jew forsi t-temi li hu jemfasizza għandhom kwalità li taġġornahom awtomatikament għall-gosti taż-żmien li jkun?

    Huwiex għalhekk ukoll mela li barra milli Aznavour għadu daqshekk attiv, il-popolarità tiegħu baqgħet qawwija u ġenwina?