MINA... FONDI GĦALL-PARTITI

    MINA

    Għal min irid jiġġudika bil-fier xinhu jiġri f’pajjiżna, l-investigazzjonijiet mill-pulizija dwar il-qtil tas-sinjura Caruana Galizia taw lok għal livelli ġodda ta’ polarizzazzjoni. Jien li għext is-snin tmenin mill-bidu sal-aħħar, ma niftakarx l-istess livell ta’ ħerqa minn dawk li jħossuhom kontra l-gvern tal-ġurnata biex il-ġrajjiet f’pajjiżna jintwerew akkost ta’ kollox bħala mmexxija minn ħsieb falz u imgħawweġ.

    Dan l-iżvilupp hu aktar xokkanti għax l-isforzi f’dan is-sens jidhru li qed jitnebbħu minn familjari tal-vittma, li għandhom kull interess li min ħassell u wettaq id-delitt jinġab malajr kemm jista’ jkun quddiem il-ġustizzja.

    Qisu li fostna, jeżisti grupp sostanzjali ta’ nies maqbuda f’xenarju psikoloġiku “ta’ mina”. Kull ma jgħodd hu dak li jridu jaraw u jemmnu. Il-bqija mhux importanti. Imma l-bqija tikkonsisti f’realtà fejn qed titmexxa investigazzjoni serja li tista’ tasal sal-aħħar jew le, imma li ma jaqbel xejn li tipprova tagħmlilha l-bsaten fir-roti minn issa.

    Wara, nitkellmu.

    FONDI GĦALL-PARTITI

    Bħal dejjem, il-mistoqsija dwar jekk il-partiti għandhomx jingħataw fondi mill-istat biex imexxu l-ħidma tagħhom tqajjem riżervi ambigwi. Tqajjimhom fost min irid li dan il-metodu jitħaddem imma mhux meta l-partit tiegħu jkun fil-gvern. U fost min mhux żgur lil liema partit dil-miżura se tibbenefika u allura joqgħod lura.

    Għalija it-tweġiba dejjem kienet ċara: il-partiti għandhom jingħataw fondi tal-istat sa ċertu ammont, biex jużawhom kif iqisu huma, għal għanijiet ċari u skont kriterji ta’ tmexxija li jkunu soġġetti għal sorvelja. Bl-istess mod, il-kontribuzzjonijiet ta’ fondi lill-partiti li jiġu minn oqsma privati jridu jiġu sottomessi għal regoli ċari dwar kif jistgħu jingħataw u sakemm għandhom ilaħħqu.

    Dil-pożizzjoni ma tantx tingħoġob.

     

    STORJA TKOMPLI 

    It-tieni rawnd fin-negozjati dwar il-Brexit mhux se jkun aktar faċli minn tal-ewwel fażi, fejn ġew diskussi materji li jikkonċernaw kif se jitwettaq id-divorzju bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea. 

    Li jrid jiġi negozjat issa hu kif ir-relazzjoni l-ġdida tar-Renju Unit mal-Unjoni se titfassal. 

    Id-diverġenzi li għad jistgħu jqumu huma kbar ħafna. Min-naħa Ewropea, jeżistu numru ta’ mudelli fi ftehimiet milħuqa ma’ pajjiżi terzi, li jistgħu jservu ta’ qafas għar-relazzjonijiet futuri mar-Renju Unit. Mhijiex ħaġa ħafifa tiddeċiedi kemm se japplikaw tajjeb għall-każ ta’ pajjiż li ilu membru tal-UE għal erbgħin sena jew aktar u jaħbat it-tieni l-akbar ekonomija fl-Unjoni. 

    Biex tagħqad, meta wieħed jifli sew dak li ġie maqbul sa issa, isib li biċċa importanti mill-ftehim tiddependi ħafna biex titwettaq minn x’se jiġi diskuss fit-tieni fażi ta’ negozjati li waslet biex tibda.