LEĠITTIMU?

     

    LEĠITTIMU?

    Ħabib tiegħi (mhux Malti) fissirli xinhi, skont hu, d-differenza kbira fid-demokraziji tal-Punent bejn l-imġiba politika tal-partiti tax-xellug u dawk tal-lemin meta jsibu ruħhom fl-oppożizzjoni. 

    Tal-ewwel b’mod jew ieħor jaraw kif se jerġgħu jiksbu lura l-voti li jkunu tilfu. Tat-tieni kważi awtomatikament jaraw kif se jikkontestaw id-dritt tal-gvern xellugi biex imexxi. Għalihom, kull oppożizzjoni trid tibda billi tisħaq li min jinsab fil-gvern ma jistħoqqlux ikun hemm, li b’mod jew ieħor mhuwiex leġittimu.

    Kelli naqbel li tassew, dak li fisser jiġri ta’ spiss, minn Trump jakkuża lil Barack Obama li mhuwiex ċittadin Amerikan u jinsab President b’qerq; sal-PN tal-lum (jew fazzjoni qawwija fih) li poġġiet l-akkużi ta’ governanza ħażina u korruzzjoni bħala l-qofol tal-kritika tagħha. L-istramba f’dil-biċċa hi li meta ntebħet li mhijiex tikkonvinċi lill-poplu Malti b’dil-ħaġa, qed tara kif timmobilizza l-Parlament Ewropew (jew aħjar, parti minnu).

    Bħallikieku mhux il-poplu Malti li hu sovran f’deċiżjoni dwar jekk għandux gvern leġittimu jew le.

    IR-RAPPORT TAL-OXFAM

    Skont rapport li ħarġet l-Oxfam, Malta flimkien mal-Olanda, il-Lussemburgu u l-Irlanda jixirqilha tiġi klassifikata mill-Unjoni Ewropea bħala ġenna fiskali, minn fejn jgħaddu kumpaniji u sinjuruni biex jaħslu l-fondi li jkollhom fi profitti jew dħul personali.

    Dak li qalet l-Oxfam jgħiduh oħrajn... għalkemm sar ħafna kjass fostna għax il-kumitat dwar l-iskandlu tal-karti tal-Panama tal-Parlament Ewropew ma wasalx sa hawn fir-rapport tiegħu. Madankollu ħafna mill-membri tal-kumitat hekk jaħsbu, speċjalment dawk li huma favur li t-taxxi fl-Ewropa jinġabu qrib ta’ xulxin bil-għan li jinħoloq suq wieħed tassew magħqud.

    Dawk li huma mdaħħla fis-servizzi finanzjarji f’Malta jiċħdu din it-tabella ta’ ġenna fiskali għall-pajjiż. Imma ili li għedtha: matul is-snin baqgħu ma għamlu xejn biex jikkjarifikaw bħala professjonisti kif iwettqu x-xogħol tagħhom. Ħallew f’idejn il-gvern tal-ġurnata biex waħdu “jiddefendihom”. Numru ta’ każi li tqajmu bil-midja internazzjonali ma għenu xejn.

    GĦAŻLA

    Is-soċjalisti fil-Ġermanja jinsabu quddiem deċiżjoni iebsa. Kellhom imorru fl-Oppożizzjoni biex fl-erba’ snin li ġejjin jerġgħu jlaqqgħu warajhom lill-partitarji li telquhom. Bil-falliment tan-negozjati bejn il-konservattivi, il-liberali u l-ħodor biex jifformaw koalizzjoni, qamet l-għajta għal “koalizzjoni kbira” oħra bejn konservattivi u soċjalisti, bħal dik ta’ qabel l-aħħar elezzjoni.

    Peress li bdiha l-President Ġermaniż, innifsu soċjalista – fl-interess tal-pajjiż, qal, u biex tiġi assigurata l-istabbiltà ekonomika u soċjali tal-pajjiż – is-soċjalisti ftit jistgħu jinjoraw is-sejħa.

    Imma jafu x’se jkunu l-konsegwenzi jekk jagħmlu hekk. Ikomplu jiġu identifikati f’moħħ il-poplu li jixbhu lill-konservattivi u allura jibqgħu jitilfu mill-appoġġ popolari.

    Hekk ġara fl-aħħar darbtejn li ħadu sehem f’“koalizzjoni kbira”