L-istat tad-dritt

    Id-diskors dwar l-istat tad-dritt qed jiġi żvalutat, talanqas b’referenza għal pajjiżna. Li temmen li Malta hi stat fejn xi ħadd bħal Escobar jitħalla jmexxi u jħawwad bi protezzjoni minn “fuq”, jew li tinkoraġġixxi li oħrajn jemmnu din il-ħaġa, hi eżaġerazzjoni totali.

    Hemm min qed isib konsolazzjoni fiha għal dwejjaq politiċi li ma jafx kif jiskonta. 

    Id-dwejjaq mhux se jingħelbu b’dal-mod. Jeħtieġu strateġija politika tat-tul li ma jidhirx li hemm min għandu l-istoffa jifhem dil-ħaġa u jidħol għaliha. Forsi wkoll għax min jagħmel hekk, se jispiċċa jmexxi proġett li minnu jiggwadanja ta’ warajh.

    Sadattant, il-fermenti li qed jitqajmu dwar l-istat tad-dritt f’Malta jservu biex iħammġu isem il-gżira barra, bla ma jibdlu xejn mir-realtajiet politiċi interni. U l-istorja tkompli...

    ***

    NEFQA FUQ PULIZIJA U SIGURTÀ

    Imqabbla mal-bqija tal-Unjoni Ewropea, aħna nonfqu anqas mill-medja tal-oħrajn fuq servizzi ta’ pulizija u sigurtà interna. Hi ħaġa stramba kif dal-punt ftit jitqajjem.

    Matul is-snin, straħna wisq fuq il-fama li għandna ta’ pajjiż fejn m’hemmx problemi ta’ sigurtà personali għal min irid jżurna u joħroġ bil-lejl u bi nhar bla protezzjoni ta’ xejn. Mhux se nikkumenta fuq jekk hix korretta din il-fehma jew le. 

    Biss fl-aħħar ġimgħat ta’ attakki bla qies kontra l-governanza fil-qasam tas-sigurtà ftit issemmiet il-ħtieġa li s-servizzi tal-pulizija jingħataw attenzjoni finanzjarja aqwa milli għamlu sa issa. Donnu li l-kwistjonijiet dwar sigurtà skattaw fl-aħħar snin u xhur. Mentri dan mhu veru xejn.

    In-nuqqasijiet tħallew jinġabru u jinħmew minn żmien l-amministrazzjonijiet ta’ Fenech Adami. Biżżejjed wieħed jiftakar fit-taħwid li kien inqala’ meta s-segretarju privat tiegħu Cachia Caruana kien għoddu nqatel. 

    Naqbel li hemm bżonn ta’ titjib mill-qiegħ fit-tmexxija tal-pulizija u s-servizzi ta’ sigurtà. Imma mhux għar-raġunijiet li qed jissemmew.

    ***

    KLASSIFIKA TA’ KUNTRATTURI

    Bla waqfien iqum tgergir, ġustifikat jew le, dwar kif jitwettqu l-kuntratti tal-gvern f’xogħlijiet publiċi. Ma jsirux fil-ħin, isiru bl-addoċċ, m’hemm l-ebda sorvelja serja fuq kif jitwettqu eċċ ... 

    Il-manjiera kif dawn il-problemi jitwittew ilha magħrufa. Imma ma tiddaħħalx fis-seħħ.

    Messu hemm reġistru tal-kuntratturi li jridu jidħlu għal xogħolijiet publiċi. Dan jikklassifikahom f’kategoriji differenti skont kemm huma kbar u attrezzati, għandhomx il-personnel u t-teknoloġija meħtieġa... 

    Imbagħad kuntratt tal-gvern li joħroġ għat-tender, jiġi indirizzat lejn il-kategorija ta’ kuntrattur li skont ir-reġistru jkun jista’ jiflaħ għalih. 

    Kulħadd jaqbel mal-utilità ta’ sistema hekk u kulħadd jara kif iwarrabha. 

    Fost id-diffikultajiet: Kemm nistgħu nafdaw li min iżomm ir-reġistru ta’ klassifika bejn il-kuntratturi se jimxi bil-fier?