Il-Parade Papers u lil hinn minnhom

    Aktar ma naqra, aktar tuġagħni rasi. Nibda nitħawwad. Ma nafx x’naqbad naħseb. Imma nipprova nagħmel sens kemm nista’ minn dak li qed jiġri. F’pajjiżna u lil hinn minnu.

    Kuljum b’xi ħaġa ġdida. U wara ftit xhur kwieti, jew kważi, erġajna bdejna naraw in-nies fit-toroq. Ftit jew wisq l-istess nies li l-bieraħlula kienu jipprotestaw bil-kpiepel tal-Panama, issa qed jipprotestaw wara l-istreamer “Ġustizzja”.

    U meta l-biegħa donna bdiet tikkalma xi ftit, il-ħuġġieġa reġgħet xegħlet bil-Paradise Papers.

    U l-maġġoranza siekta. Siekta imma tinnota. Anke jekk tiġi akkużata li hija lluppjata. 

    Ħomor u blu

    Anke jekk ta’ lwien differenti, hemm ħafna fejn naqblu. Ma rridux tixrid ta’ demm. Ma rridux vjolenza.

    Imma mbagħad kull kelma li tingħad tiġi interpretata favur jew kontra l-gvern. Il-gvern “tagħna” jew il-gvern “tagħhom”.

    Minkejja kollox għadna nazzjon wieħed imma żewġ tribujiet. Min mhux magħna kontra tagħna. 

    Donnu hemm qasma, anke jekk mhux eżatt min-nofs. Qasma vertikali. Qasma skont il-kulur. Tidher fil-midja soċjali u kultant inħossha meta jiġi xi ħadd jistaqsini “mela m’għadekx magħna?”

    Klassijiet

    Imma rrid noqgħod attent kif nitkellem dwar qasma oħra. Imma ma nistax ma nitkellimx dwarha. Il-qasma bejn dawk li għandhom u dawk li m’għandhomx. The haves and the have nots. 

    Noqgħod attent biex ħadd ma jakkużani li qed inxerred l-odju tal-klassi. Din mhix kwistjoni ta’ ghira jew mibegħda imma kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali.

    U aktar ma naqra dwar Swiss Leaks, Panama Papers, Paradise Papers, eċċ., aktar naċċerta ruħi li l-qasma vera mhix vertikali imma orizzontali.  

    U meta nitkellem fuq qasma orizzontali nifhem il-qasma bejn dawk li jaqlgħuha u jikluha u bejn dawk li jieklu b’erbat iħluq u jagħmlu minn kollox biex ma jagħtux lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri.