Tort tiegħek, ħabib

    Qabel ngħaddi għas-suġġett nixtieq nagħmel stqarrija personali. Meta nitkellem dwar il-faqar, l-aħħar ħaġa li nkun nixtieq hija li nidħol f’polemiċi ta’ natura politika partiġġjana.

    Għalhekk meta xi ħadd jistaqsini fejn kont qabel l-2013, naqbad nidħak. 

    Illum li pensjonant, nista’ ngħid li ili man-nofs seklu naħdem għal dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

    U jekk hemm xi ħaġa li nemmen bil-qawwa fiha hija l-prinċipju tal-Partit Laburista. 

    Jiġifieri li jaħdem għal soċjetà inklussiva li tipprovdi xogħol lil kulħadd, isseħħ il-ġustizzja soċjali u li s-saħħa tal-istess soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa fost il-membri tagħha.

    Akkużi

    Issa kull darba li xi ħadd jitkellem dwar dawk l-aktar dgħajfa fost il-membri tas-soċjetà, dejjem isib lil xi ħadd jaqbeż fuqu. 

    Ovvjament jekk fil-Gvern ikun hemm il-PN jaqbeż fuqu xi Nazzjonalist u jekk ikun hemm il-PL jaqbeż fuqu xi Laburist.

    U dejjem nispiċċaw bl-istess akkużi. Li l-faqar it-tort tagħhom. Għax għażżenin, għax jilagħbuhom, għax iddrogati, għax għandhom prijoritajiet ħżiena, għax ma jafux jagħmlu baġit…..

    Fi kliem ieħor la hu tort tiegħi u lanqas tort tal-gvern li nissapportja.

    Strutturali

    Miniex ngħid li ’l hawn u ’l hemm ma jkunx hemm min għandu prijoritajiet ħżiena. Imma dawn huma l-eċċezzjoni li jippruvaw ir-regola. 

    U x’inhi r-regola? 

    Ir-regola hija li l-faqar huwa strutturali. Hija l-istess struttura tas-soċjetà li titfa’ n-nies fil-faqar. U dan hemm ħafna fatturi li juruh ċar. 

    Pereżempju li l-maġġoranza tan-nies fil-faqar huma tfal u pensjonanti. Fi kliem ieħor jekk il-persuna tkun għażżiena, kif jista’ wieħed jispjega l-fatt li meta kienet kapaċi taħdem ma kinitx fil-faqar.

    Imma l-akbar ezempju b’saħħtu li l-faqar huwa strutturali, qed jagħtihulna l-gvern stess. 

    Meta jiftaħar li naqas il-faqar, ma jkunx qed jgħid li għamel xi miraklu u lill-għażżien għamlu bieżel. Imma jkun qed jgħid li biddel l-istrutturi tas-soċjetà biex il-fqir seta’ joħroġ mill-faqar.