Itma’ lil min hu bil-ġuħ

    Minkejja li aktar inqis ruħi agnostiku milli xi ħaġa oħra, għandi lista ta’ qassisin, patrijiet u sorijiet li bilfors ikolli ninżgħalhom il-kappell. Reliġjużi li fis-skiet u bla daqq tat-trombi jgħixu l-vanġelu.

    Aktar milli moħħhom biss fil-murtali u l-istatwi, id-damask u r-relikwiji, jaraw kif se jagħmlu biex jgħinu lill-inqas flok ħuthom. Il-batuti u l-vulnerabbli.

    U dan la jagħmluh għall-flus u lanqas għall-voti, il-glorja u l-fama. Jagħmluh għax jemmnu lil min qalilhom biex jitimgħu lil min hu bil-ġuħ, iżuru l-morda, iżuru l-kalzrati u jilqgħu lill-barrani.

    Patri Marcellino

    Mal-lista li kelli dan l-aħħar żidt lil Patri Marcellino, Franġiskan Minuri. Patri Marcellino jieħu ħsieb il-Knisja ta’ Ġieżu, il-Belt, u fl-aħħar xhur ġabar tim tajjeb madwaru biex jibdew jaħdmu ħalli jiftħu soup kitchen.

    Ix-xogħol, minkejja ħafna qtigħ il-qalb u numru ta’ ntoppi, miexi ġmielu. Għax kif jgħidu l-Ingliżi, where there is a will, there is a way.

    U fil-ġimgħat li ġejjin f’parti mill-kunvent li hemm mal-knisja, dak li qabel kien ir-refertorju, se jibdew jitimgħu lin-nies vulnerabbli. Għall-ewwel tliet darbiet fil-ġimgha, u aktar ’il quddiem, anke ħamest ijiem fil-ġimgħa.

    Ta’ min jgħid li t-tim ta’ madwar Patri Marcellino qed jagħmilha ċara li l-ikel se jkun nutrittiv u servut b’ħafna mħabba.

    Mhux biss

    Imma l-idea ta’ Patri Marcellino u sħabu, biex insejħilhom hekk, tmur lil hinn minn platt ikel. U hemm il-pjan li lill-“klijenti” tagħhom joffrulhom ukoll korsijiet fil-kompjuters.

    Qed jitħhejja x-xogħol ukoll biex ikun hemm post fejn dawk li jmorru għall-ikel ikunu jistgħu jqattgħu ftit ħin fil-kwiet, jaqraw u jisimgħu l-mużika. 

    Nittama li jkun hemm knejjes oħra li jimitaw din l-inizjattiva nobbli. Prosit lil Patri Marcellino u lil dawk kollha li qed imiddu idejhom biex din il-ħolma ssir realtà.