Xogħol Prekarju

     

    Il-probabbiltà kbira qed tkun li x-xogħol prekarju fostna jiżdied qiegħed, mhux jonqos. U mhux biss fir-rigward tal-ħaddiema barranin mill-Afrika jew il-Lvant Nofshani. Il-prekarjat qed jaffettwa wkoll ħaddiema/impjegati Maltin, speċjalment żgħażagħ. 

    L-aqwa sinjal ta’ dan jingħata mill-mod kif il-preżenza tal-unjins fil-postijiet tax-xogħol privati baqgħet tiċkien. Mingħajr unjins attivi u preżenti, hu inutli tistrieħ fuq servizzi statali biex jilqgħu għall-esplojtazzjoni. Ma jistgħux ikopru l-oqsma kollha tal-ħidma ekonomika, speċjalment f’impriżi li joffru servizz.

    Terġa’, bil-kultura tal-flessibiltà fuq il-postijiet tax-xogħol li fl-aħħar żewġ deċennji, forsi aktar, ġiet żviluppata, iddaħħlet mentalità li l-prekarjat hu norma tal-ħajja. L-idea li persuna ddum snin twal fl-istess impjieg saret titqies bħala antikalja. Kull ftit taż-żmien, il-ħaddiema jridu jidraw jibdlu x-xogħol li jagħmlu.

    Issib min irid jikkonvinċik li mhux biss din ħaġa meħtieġa, imma wkoll ta’ ġid, għas-soċjetà u għall-ħaddiem innifsu. Għaliex le?! U ħalluna.

    ***

    ABORT

    Carmel Caccopardo tal-AD għamel tajjeb li qajjem għad-diskussjoni s-suġġett tal-abort li sa issa għadu tabu fis-soċjetà tagħna. Mhux għax ma jiġix prattikat. Hu prattikat u dejjem kien; imma kull diskors dwaru jitpoġġa minn kulħadd fil-limbu tal-prattiċi l-aktar moqżieża, bħall-kannibaliżmu. 

    Ħafna fil-Parlament Ewropew, u mhux is-soċjalisti biss, ma jistgħux jifhmu kif minn Malta jibqa’ jintwera das-sentiment. Waħda mit-tweġibiet tiegħi għall-iskantament li niltaqa’ miegħu b’dan, hi li tant hu profond li anke l-Ħodor jistqarruh. Milli jidher mhux se nkun nista’ nibqa’ ngħid hekk issa.

    Fir-realtà hemm ħafna ipokresija fil-biċċa. Minn banda niskandalizzaw ruħna b’aħbar dwar tifla ta’ ħdax-il sena li biex iħarsulha ħajjitha. għamlulha abort wara li stupraha xi ħadd mill-familja tagħha. Mill-oħra, ilkoll nafu b’aborti ta’ Maltin li kellhom imorru Sqallija jew Londra ħalli jiġu operati.

    ***

    LIBERALIŻMU

    Id-dibattitu li tqanqal dan l-aħħar dwar xinhu l-liberaliżmu u x’ġid jew deni għamel, kien interessanti u konfuż. Kif nafha jien, hemm tliet kurrenti kbar li jissejħu “liberali” fil-Punent. Deherli li ħafna mill-konfużjoni tqanqlet mill-fatt li mhux kuħadd kien jitkellem fuq l-istess kurrent.

    Fl-Istati Uniti, l-“liberaliżmu” hu “xellugi” – ideoloġija li lesta tintervjeni fis-suq ħieles b’miżuri statali, regolatorji u aktar – speċi ta’ soċjaliżmu demokratiku stil Ewropew.

    Fl-Ewropa, l-liberaliżmu jemfasizza l-ħtieġa li l-bniedem fis-soċjetà għandu jkollu kull dritt għall-awtonomija u ħelsien f’imġibtu, bl-istat jiggarantixxi l-awtonomija u ħelsien personali taċ-ċittadin, imma f’qafas ta’ suq ħieles, fejn l-istat ma jindaħalx.

    In-neo liberaliżmu, kif prattikat kullimkien, jemfasizza s-suq ħieles akkost ta’ kollox. Isostni li fil-qafas tiegħu, id-drittijiet taċ-ċittadini u l-aħjar ġid tas-soċjetà kollha se jkunu awtomatikament imħarsa.