Ruħ soċjali

    Ma rridx nidħol f’politika partiġġjana. Aktar milli fuq il-ħomor u l-blu, fuq il-progressivi u l-konservattivi, moħħi jdur fuq dawk li għandhom u dawk li m’għandhomx. Dawk li jieklu u dawk li jittewbu.

    Veru nista’ niġi kkritikat li nagħmilha wisq ma’ tal-aħħar biex inkun oġġettiv. Imma sakemm jeżistu dawk li mhumiex ilaħħqu mal-ħajja, dawk li ma jwasslux sal-aħħar tax-xahar, inħoss li hu d-dover tiegħi li nitkellem.

    Naf li hawn min jiddarras. Naf li hawn min iħares lejja bl-ikrah. Imma ili li tgħallimt li ma tistax togħġob lil kulħadd. U l-prinċipji tiegħi jibqgħu l-istess. Il-progress tas-soċjetà nkejlu bil-qagħda ta’ dawk l-aktar dgħajfa u vulnerabbli.

    Perentesi żgħira: Din mhix kwistjoni ta’ għira. Għalija hija kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali.

    Ekonomija li toqtol

    Kif qal sewwa l-Papa Franġisku, illum qed ngħixu fi żmien ta’ ekonomija ta’ esklużjoni u inugwaljanza. Ekonomija li toqtol. 

    Jekk inħarsu naqra madwarna nirrealizzaw li wasalna fi żmien li jekk l-ekonomija ma tikbirx daqs kemm kibret is-sena li għaddiet, nibdew nibżgħu li deħlin fi kriżi.

    Imma jekk Dar Papa Franġisku, Dar Maria Dolores, Dar Patri Leopoldu, Dar Teresa Spinelli u l-YMCA jkunu mimlijin sa ruħ ommhom bil-homeless u jpoġġu n-nies fuq il-waiting lists, qisu ma ġara xejn.

    Tfal, żgħażagħ, ommijiet u missirijiet, anzjani u ħaddiema li jfittxu saqaf fuq rashom għax minkejja li s-suq qed isuq, huma mhux qed ilaħħqu miegħu.

    Tort

    Il-problema hija li meta xi ħadd jiftaħ ħalqu dwar din is-sitwazzjoni, malajr jiġi mgħajjar marxist jew komunist. U agħar u agħar, dawk li mhumiex ilaħħqu mal-ħajja jigġu akkużati li huma għażżenin u/jew injuranti.

    Mhux tort tagħhom, issib min jgħidlek, għax ma jmorrux jaħdmu. U l-klassika li biex jagħmlu difrejhom għandhom flus imma mhux biex jieklu u jħallsu l-kera.

    Il-frażi “llum min ma jridx ma jaħdimx” smajtha elf darba. Mingħajr ma nagħtu kas li l-persuna jista’ jkollha problemi ta’ saħħa jew saħħa mentali. Biex ma nsemmix il-pensjonanti. Mingħajr ma nieħdu kunsiderazzjoni li l-kera saret kważi daqs il-paga minima.

    Imma l-aqwa li naħslu jdejna u nitfgħu t-tort fuq il-vittmi.

    Il-Gvern

    Hawn min jistenna li s-suq, jekk inħalluh isuq, jirregola lilu nnifsu waħdu. Li b’xi mod il-kera tibda torħos, il-ħajja ma tibqax togħla u l-pagi jiżdiedu.

    Ħolma sabiħa. Imma jekk inħarsu lejn dawn l-aħħar għaxra, għoxrin sena, insibu li l-unika drabi li ta’ taħt ħadu naqra r-ruħ kien meta kien hemm interventi mill-Gvern. 

    Mhux qed nghid li mmorru lura għal xi sistema sovjetika. Xejn affattu. Imma l-Gvern irid ikollu ruħ soċjali u jindaħal meta jkun hemm min qed isibha diffiċli biex jgħix ħajja diċenti.

    Ngħiduha kif inhi, kieku s-suq jagħmel il-mirakli, il-Gvern x’għandna x’nambuh?