KAPPARA

    KAPPARA

    Għadni narah impressjonanti l-mod kif ix-xogħol fuq il-proġett tal-Kappara baqa’ sejjer sal-aħħar, metikoluż u ppjanat, bil-miri tat-tlestija rispettati sal-aħħar u dejjem fil-limiti tan-nefqa kif issettjati fil-bidu.

    Irridu nitgħallmu mhux biss mill-iżbalji; imma wkoll mis-suċċessi. Waqt li l-proġett tal-Kappara qed ikun suċċess, fl-istess żmien, seħħew il-fjaski. Jagħmel sens li apparti milli neżaminaw għaliex f’tal-aħħar morna żmerċ, inqisu wkoll kif tal-Kappara wasal fejn wasal. 

    X’fih differenti minn proġetti oħra? X’kienu l-ingredjenti li qed jagħmluh suċċess? Kif jistgħu jiġu mtennija fi proġetti oħra?  

    Fil-kultura Maltija, li ttawwal fil-bini hu mitqies bħala ħaġa naturali u meħtieġa, kemm mill-gvern u kemm mis-settur privat. Dan għal raġunijiet ta’ skedar ta’ pagamenti; biex jinżammu miftuħa l-opportunitajiet ta’ kuntratti differenti; u għax l-ippjanar qatt ma kien l-aqwa kisba tas-soċjetà tagħna.

    Forsi l-mudell tal-Kappara iressaqna lejn mentalità differenti. Mhux li kieku.

    KATALUNJA

    Il-lotta li żviluppat fil-Katalunja bejn il-gvern ċentrali Spanjol u l-awtoritajiet reġjonali mhijiex sabiħa. Anzi, hi krudila. Li żona sħiħa tal-ispazju Medtierraneu tintilef f’tilwim bħal dan, u mingħajr soluzzjoni possibbli li tinvolvi ftehim b’kompromess miż-żewġ naħat, jista’ jġib konsegwenzi koroh ħafna. 

    Wieħed jifhem l-impenn tal-awtoritajiet ċentrali Spanjoli biex iħarsu l-integrità tal-pajjiż billi jżommu bi dritt mal-kostituzzjoni. Din tipprojbixxi kull forma ta’ separatiżmu. Kull proposta f’das-sens hi illegali.

    Madankollu, hu dubjuż kemm ħaġa bħal din tista’ titqies leġittima fuq kejl tat-tul. Id-demokrazija titlob li kull min għandu proposta għal bidla x’jagħmel, jitħalla jagħmilha.

    Ma narax li l-indipendenza tal-Katalunja tagħmel wisq sens fid-dinja tal-lum. Jekk titmexxa ’l quddiem sakemm il-poplu jiddeċiedi, x’aktarx jiġri bħal fir-referendum Skoċċiż. 

    “UPDATES” TAL-KOMPJUTER

    Forsi jien il-baħbuħ u ma jien nifhem xejn. Niddubita jekk hawnx nies bħali li kull ta’ spiss jiffrustraw ruħhom bil-ħeġġa tal-kompjuter tagħhom biex iniżżel l-hekk imsejħa “updates”. Ma nafx eżattament dawn kif jaslu, u b’arja ta’ kmand. 

    Jeħdulek f’idejhom dil-magna li saret indispensabbli biex taħdem daż-żmien. Iżommuk tħares lejn bokkla tagħqad fl-iskrin b’nota tinformak li l-aħħar “updates” qed jiddaħħlu fil-komputer tiegħek.

    Imma min staqsa għalihom? B’liema dritt jieħdu kontroll fuq il-magna u għal daqstant żmien? Jekk wieħed kien sejjer tajjeb b’li kellu, x’sens jagħmel li kollox jieqaf sakemm it-titjib mhux meħtieġ jew mitlub jiġi injettat fil-magna li tuża? Kemm filfatt iservu dawn l-“updates” biex itejbu l-operat? 

    Dan hu t-thewdin li jqum f’moħħi meta ta’ spiss wisq, niġi mitlub nippermetti “update” ieħor. Jew meta l-“update” isir mingħajr l-ebda permess.

    Possibbli li ħaddieħor mhux qed jaffaċċja l-istess dwejjaq?