Kriżi? Xi kriżi?

    Ngħidha mill-ewwel. Lejn il-Ministru tal-Ekonomija, il-Professur Edward Scicluna, għandi kull rispett. 

    U kull meta tkellimt miegħu, minkejja li l-perspettiva tiegħi kienet ta’ student qed jitkellem mal-imgħallem, ħassejt li r-rispett kien reċiproku.

    L-istudju tiegħi fl-ekonomija hu rudamentali u jmur lura xi 40 sena meta kont għamilt xi unit fis-suġġett, insejt f’liema ċirkostanzi.

    Ovvjament qed nitkellem fuq it-teorija. U fuq l-ekonomija fis-sens wiesgħa tal-kelma. 

    Għax l-ekonomija fuq livell individwali u familjari ngħixha kuljum. U bħali żgur il-maġġoranza l-kbira tal-Maltin u l-Għawdxin.

    Kera

    Niġi għas-suġġett. Kien hemm min iddarras għax il-Ministru Scicluna meta tkellem fuq il-kera qal li m’hawnx kriżi. Huwa kien qed jitkellem fil-kuntest li 80% tal-poplu huwa sid ta’ daru. 

    Sintendi din bħal tat-tazza nofsha mimlija imma fl-istess waqt nofsha vojta. Jiddependi kif tħares lejha. 

    Imma f’dan il-każ m’għandniex tazza. Hawn qed nitkellmu fuq 20 fil-mija tas-soċjetà. Nies tad-demm u l-laħam li numru minnhom qed ibatu biex ilaħħqu mal-ħajja u jkollhom saqaf fuq rashom u fuq ras uliedhom.

    Fuq livell nazzjonali żgur mhux kriżi. Imma fuq livell individwali, in-nies li jinqabdu f’dawn is-sitwazzjonijiet, bla dubju jħossuhom mgħarrqa fi kriżi serja.

    Soluzzjonijiet

    Mhux se noqgħod ngħid li m’għandniex kriżi ferm akbar għax il-gvernijiet mill-1971 taw imbuttatura kbira biex aktar u aktar Maltin isiru sidien ta’ djarhom.

    Imma din l-imbuttatura donnha waqfet minn 10 snin ’l hawn jew ftit aktar.

    Importanti f’dan il-waqt huwa li nfittxu s-soluzzjonijiet. U nammettu li jekk m’għandniex kriżi, sfida (biex ma ngħidx problema) għandna żgur.

    Naf li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Housing, Roderick Galdes, qed jagħmel minn kollox biex joħroġ b’soluzzjonijiet li jkunu ġusti kemm mal-inkwilini kif ukoll mas-sidien. U jalla naslu.

    Nota tal-aħħar

    Kull għaqda, kull soċjetà, għandha r-regoli tagħha.

    Regoli li jgħinuna ngħixu f’armonija ma’ xulxin. Regoli li hemm bżonn ikunu mibnija fuq is-sens ta’ dinjità ta’ kull individwu. Regoli mibnija fuq il-ġustizzja soċjali. 

    Mhux regoli li jxekkluna imma regoli li jgħinuna nibnu għall-futur.

    U dan jgħodd għal kollox. Inkluż is-suq tal-proprjetà.